Ir-rappurtaġġ ta’ The Sunday Times of Malta llum jikxef fid-dettall kif sistema burokratika li suppost b’mod ġust tagħti liċenzja tas-sewqan lil min juri li hu kompetenti jsuq il-karozza ġiet korrotta biex jinxtraw il-voti jew biex jiġu ppremjati dawk leali lejn il-gvern.
L-investigazzjoni tiddokumenta korruzzjoni istituzzjonalizzata fejn ministri tal-gvern u uffiċjali magħżulin minnhom jew li jaħdmu mill-qrib magħhom jindaħlu direttament biex dawk li jridu jaqdu, jaqbżu l-kju u fejn hu possibbli tingħalaq għajn jew tnejn ħalli min suppost jeħel mill-eżami jgħaddi xorta. Biex iżommu l-poter tagħhom il-politiċi f’dan il-każ urew rwieħhom perfettament disposti jqegħdu ‘l kulħadd f’periklu ċar fit-toroq.
L-investigazzjoni turi wkoll li mijiet ta’ persuni jippretendu li jaqbżu l-kju jew li jgħaddu minn eżami li mhumiex lesti għalih għax għandhom aċċess għall-ministru. Din turi kultura korrotta li għandha egħruq fondi fis-soċjetà tagħna. Għal ħafna nies il-kju u l-eżami qegħdin hemm għaċ-ċwieċ jew għal dawk tal-partit l-ieħor. Għalihom hemm il-ministru.
Bħal f’kull skandlu ieħor ta’ korruzzjoni sistemika il-pulizija aġixxiet kontra numru żgħir ta’ persuni b’sehem limitat fi skema u għalqet għajnejha għall-involviment ta’ ministri u uffiċjali fl-istaff tagħhom. Il-pulizija stess tikkontribwixxi għall-istituzzjonalizzazzjoni tal-korruzzjoni.
Il-korruzzjoni ma vvinttahiex dan il-gvern. Iżda hu dan il-gvern li hu responsabbli għall-għemil evidenzjat mill-investigazzjoni ppubblikata llum. Il-mod kif fit-tweġibiet tagħhom il-ministru Ian Borg iġġustifika l-indħil tiegħu biex ħbiebu ma jistennewx meta kien imisshom u ma jiġux eżaminati bħal ħaddieħor hu verament inkwetanti. Mhux talli ma jiċħadx li ndaħal, talli jiftaħar li l-bibien tiegħu dejjem miftuħa għal min irid xi pjaċir.
Daqstant ta’ tħassib it-tweġiba tal-prim ministru li minkejja li kkonfrontat bi provi li uffiċjali fl-uffiċju tiegħu irranġaw biex min ma ħaqqux jieħu l-liċenzja tas-sewqan, Robert Abela jiddikjara li hu ma jagħmel xejn jekk il-pulizija ma tagħmel xejn.
Hu ċar għalhekk li mhux talli m’hemmx rieda politika li nitnaddfu mill-korruzzjoni, talli l-partit fil-gvern għandu l-politika ddikkjarata li akkost ta’ periklu ċar għas-saħħa u s-sigurtà pubblika, iwettaq l-inġustizzja li jaqdi lil min jivvutalu bi skapitu għal ħaddieħor.
Pajjiżna jeħtieġ li jsir repubblika nadifa.
Biex jiġri dan:
- Il-pulizija għandha twettaq dmirha u ma tħares lejn wiċċ ħadd. Jekk ministru jfotti f’eżami meħtieġ bil-liġi biex jagħmel pjaċir lil xi ħadd, il-ministru għandu jiġi kkastigat daqs li kieku fotta għalih innifsu.
- L-istruzzjonijiet politiċi lid-dipartimenti u l-aġenziji tal-gvern għandhom isiru biss skont il-proċedura u mhux b’messaġġi fuq WhatsApp u messaġġi sigrieti lill-galoppini impjegati fid-dipartimenti. Il-ministri li jiksru dawn ir-regoli għandhom jitkeċċew.
- Il-klassi politika għandha tmexxi bl-eżempju u tagħlaq il-bieb għal min mhux ifittex id-drittijiet tiegħu imma jfittex il-pjaċir biex jinkisru r-regoli għalih.
- Neħtieġu edukazzjoni kulturali, kuxjenza kollettiva li tistmerr il-korruzzjoni. Għandna bżonn inħossu mistħija meta ninqabdu naqbżu l-kjù jew nippretendu li ningħataw dak li ma ħaqqniex.
Hu tassew ta’ sogħoba għalina nerġgħu naqraw kemm huma mnawra l-valuri tas-soċjetà tagħna, apparti s-sigurtà fuq it-toroq li hi l-konsegwenza ovvja ta’ dan l-iskandlu. Bis-sogħoba biss m’aħniex se nibdew infiequ.
Irridu diskussjoni u sforz nazzjonali biex nindirizzaw u neradikaw il-korruzzjoni mill-istituzzjonijiet u l-kultura ta’ Malta. U min inqabad b’din l-investigazzjoni ġurnalistika, bħall-ħafna li nqabdu b’investigazzjonijiet ġurnalistiċi f’dawn l-aħħar snin, għandu minnufih jinġiegħel iħallas t’għemilu.