Repubblika tinnota id-deċiżjoni tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan li jimponi sanzjonijiet fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri minħabba “korruzzjoni sinifikanti” u ma jħallihomx jidħlu fl-Istati Uniti,  fil-waqt li l-istituzzjonijiet Maltin għadhom ċassi.

Sfortunatament l-impunità għadha tirrenja f’pajjiżna.

Fil-waqt li l-awtoritajiet Amerikani qed jieħdu passi minħabba l-korruzzjoni marbuta mal-proġett maħmuġ tal-power station tal-Electrogas, l-awtoritajiet Maltin għadhom m’għamlu xejn.  Anzi sa ftit jiem ilu, bil-wiċċ tost kollu l-Electrogas qagħdet tiftaħar b’reklam ta’ paġna sħiħa fil-ġurnali.

Repubblika tesiġi li l-awtoritajiet, partikolarment il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, iqumu fuq tagħhom ħalli kulħadd, speċjalment min abbuża mill-poter li fdalu l-poplu, jirrispondi għall-ħmieġ li wettaq.

Ninnutaw li fl-aħħar Justyne Caruana irriżenjat minn ministru.  Nistennew li kull min kien involut f’din l-istorja maħmuġa jew li pprova jostorha, partikolarment jekk hu uffiċjal pubbliku jew persuna on a position of trust, jerfa’ r-responsabbilità ta’ għemilu.