L-Onor Justyne Caruana għandha ssegwi l-parir tal-President u ma titrattax il-poplu Malti ta’ imbeċilli.

Issa, Dr Caruana qed tgħid li se tmur il-Qorti għax il-liġi dwar l-istandards tikser id-drittijiet kostituzzjonali tagħha.

Repubblika tfakkar lil Dr Caruana dak li hi stess qalet, fil-11 ta’ Lulju 2016 fil-Parlament waqt t-tieni qari ta’ din il-liġi li sejħitlha “monument għall-Gvern”.  

Rigward id-drittijiet li Dr Caruana qed tgħid li nksirulha, dakinhar stqarret, bħala waħda minn dawk li ħadmu fuq il-liġi li issa qed tgħid kontriha:
“fl-abbozzar qgħadna attenti ħafna li jiġu osservati l-prinċipji tal-ġustizzja naturali, li huma prinċipji bażiċi u fundamentali ta’ kull proċedura ġudizzjarja jew kważi ġudizzjarja. Qgħadna attenti ħafna għar-role of equity li qed jiġi meqjus skrupolożament biex naċċertaw li l-proċeduri li qed nistabbilixxu ma jkunu jippekkaw bl-ebda mod  u ma jiġux preġudikati jew elużi d-drittijiet ta’ kull parti potenzjali f’dawn il-proċeduri. ”

Fil 11 ta’ Lulju 2016 fil-Parlament Dr Caruana ftaħret li kienet waħda minn grupp żgħir li ħadmu fuq l-abbozz tal-liġi u qalet:
“Fit-tfassil ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi ħaddimna standards għoljin ta’ prinċipji demokratiċi u tajna l-għodod ta’ checks and balances li jagħmlu unur lil dan il-Parlament.  Il-kummissarju se jkollu poteri sħaħ u b’saħħithom li qed jiġu mogħtija lilu permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi biex jinvestiga l-allegazzjonijiet li jsirulu.”

Jidher li issa, Dr Justyne Caruana daret kontra l-liġi li abbozzat u vvutat favuriha hija stess.  Il-ftaħir tagħha dakinhar li “aħna konna kuraġġjużi billi mill-bidu nett ta’ din il-leġiżlatura tajna avviż ċar lilna nfusna bħala Gvern li għandna nkunu responsabbli u integri f’dak li nagħmlu”  mhu xejn ħlief paroli vojt.

Il-paroli huwa l-eħfef ħaġa.  Min irid jara aktar paroli, jista’ jsib it-transcript tad-diskors tal-Onor Caruna fuq https://parlament.mt/en/12th-leg/plenary-session/ps-415-11072016-0600-pm/

Onor Justyne Caruana, meta tkun f’ħofra, tkomplix tħaffer.