28 ta’ Ottubru 2021

Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Berġa ta’ Kastilja
Il-Belt Valletta

Prim Ministru,

DWAR: MIBGĦEDA U THEDDID LIS-SOĊJETÀ ĊIVILI

Bħalissa Repubblika qed tagħmel protesta paċifika f’konformità sħiħa mal-liġi quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Kif taf, id-drittijiet t’espressjoni u ta’ assoċjazzjoni huma drittijiet umani fundamentali.

Għalkemm ma naqblux f’kollox, għandna naqblu li d-dritt ta’ xi ħadd li jesprimi opinjoni sfavorevoli dwar l-amministrazzjoni pubblika għandu jkun rispettat u protett mill-awtoritajiet.

Il-mod kif One TV, l-istazzjon tal-partit li int Mexxej tiegħu, qed jirraporta l-protesta tagħna mhux biss huwa ostili u kattiv. Qed isir “rappurtaġġ” u “kummentarju” giddieb, qarrieq, u mimli mibgħeda. Minflok protesta b’għanijiet demokratiċi u fir-rispett tal-liġi u l-Kostituzzjoni, min qed jipprotesta qed jitpenġa bħala parti minn konġura tal-“establishment” biex jinsteraq il-poter. Oġġettivament din hi akkuża farseska iżda One TV jagħmluha għax jafu li hemm udjenza li lesta temminha.

Dan minbarra li r-rappurtaġġ fittex li jidentifika persuni li setgħu kienu qed jappoġġjaw il-protesta u għajjarhom b’mod li prova jiskredithom u li jbeżża’ lil ħaddieħor li kieku kien juri l-appoġġ tiegħu wkoll.

Dan hu kif it-tiranni jużaw il-midja għall-propaganda, għall-intimidazzjoni u għall-oppressjoni ta’ min ma jaqbilx magħhom.

One TV hu tal-Partit Laburista, jiġifieri tal-partit li jmexxi l-gvern li għandu d-dmir iħares bi kliemu u b’egħmilu li jipproteġi d-dritt ta’ kulħadd li jipprotesta kif, meta u dwar xhiex jidhirlu fil-limiti tal-liġi.

Ir-rappurtaġġ ta’ One TV għandu eku fil-mezzi soċjali fejn rajna numru ta’ kummenti ta’ persuni li jidentifikaw irwieħhom bħal sostenituri tal-Partit Laburista li jimmaġinaw u jinkoraġixxu – f’xi każi jheddu u jwiegħdu – vjolenza fiżika b’ritaljazzjoni għall-protesta tagħna.

Għalkemm nikkundannaw l-aġir ta’ dawn il-persuni nifhmu li jitkellmu hekk u jaġixxu hekk b’sens ta’ lealtà għamja lejn il-Partit Laburista. F’moħħhom qed jagħmlu dak li jitlob minnhom One TV li għax hu tal-Partit Laburista bil-fors hu tajjeb. Dan jagħmlek responsabbli tar-reati tagħhom.

Bħala Prim Ministru u bħala Mexxej tal-Partit Laburista għandek il-poter – u allura d-dmir – li ma tħallix li One TV ikebbes il-mibgħeda kontra min qed jipprotesta u jkun ta’ skuża għal min irid u lest iwettaq il-vjolenza.

Infakkruk għalhekk li għandek taġixxi u tintervjeni ma’ One TV. Kull darba li ma tagħmilx hekk ikollna nikkonkludu li One TV jaġixxu fuq l-istruzzjonijiet, anke jekk taċiti, tiegħek. Din is-sitwazzjoni ġġib fix-xejn id-diskors kollu tiegħek dwar riformi b’risq is-saltna tad-dritt u d-demokrazija. Minflok qed issaltan bil-mibgħeda, ir-rabja, u l-biża’.

Nittamaw li naraw mingħandek azzjoni immedjata u denja ta’ prim ministru ta’ pajjiż demokratiku u ċivili.

Robert Aquilina
President