Repubblika tirreferi għat-theddid, intimidazzjoni, u attakki kontinwi, imbierka bil-kummenti espliċiti u impliċiti tal-Prim Ministru Robert Abela, fuq il-President tagħha Robert Aquilina.

Hu tassew tal-mistħija li attivist tas-soċjetà ċivili jitqiegħed f’pożizzjoni li jkollu jitkarrab pubblikament biex uliedu, martu, u hu jingħataw il-protezzjoni li għandhom bżonn biex hu jkun jista’ jkompli ħidmietu mingħajr biża’.

L-attiviżmu mhux xi gost u pjaċir. Hu dmir ta’ kull ċittadin ta’ kuxjenza u parti essenzjali mid-demokrazija. Mhux rilevanti li attivist u x-xogħol tiegħu jkunu skomdi għall-prim ministru jew għall-kap tal-pulizija. Id-dmir tagħhom li jieħdu dawk il-miżuri kollha biex min jikkritikahom ikun protett minn kull theddid hu sanċit fil-liġi.

Robert Abela u Angelo Gafà għandhom jiftakru fl-inkjesta wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li żammet lil Joseph Muscat u Lawrence Cutajar fost oħrajn responsabbli għall-qtil tagħha minħabba dak li għamlu u m’għamlux meta ħallewha mingħajr protezzjoni f’kuntest ta’ demonizzazzjoni u impunità għall-kriminali li kixfet.

Qed nerġgħu naraw l-istess imġieba mill-awtoritajiet li jagħmlu għadu tal-pajjiż lil min jikxifhom jew jikkritikahom. Nikkundannaw imġibithom u ntennu li għandhom minnufih iwettqu dmirhom u jipproteġu lil Robert Aquilina u lil familtu.