Id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela ta’ nhar il-Ħadd, li ma kellu ebda reazzjoni għall-evidenza ppubblikata fil-ktieb ta’ Robert Aquilina “Pilatus: A Laundromat Bank in Europe”, ikompli jherri l-fiduċja li l-istat Malti għandu l-ħila u r-rieda li jrodd ġustizzja liċ-ċittadini tiegħu.

Flok qal x’se jagħmel issa li ma jistax jaħbi aktar l-evidenza, Robert Abela għajjar lil Robert Aquilina u lil kull min jinsisti għall-ġustizzja f’Malta li qed jaħli l-ħin.

Il-provi ppubblikati juru li s-sid u uffiċjali tal-Pilatus Bank wettqu reati serji li jġibu sentenzi twal ta’ ħabs. Iżda l-pulizija u l-avukat ġenerali għamlu minn kollox biex lil dawn il-kriminali jħalluhom ilebbtu ‘l hemm.

Dan jidher li għamluh biex jipproteġu lil Keith Schembri li kellu kont fil-Pilatus Bank fejn saru tranżazzjonijiet illeċiti, biex jipproteġu lil Joseph Muscat li ma jridx li terġa’ tinfetaħ l-inkjesta dwar it-tixħim li allegatament irċieva f’dak il-bank, u biex jipproteġi waħda mis-suspettati li hi politikament qrib ta’ Robert Abela.

Joseph Muscat u Robert Abela ilhom bejniethom 9 snin jipproteġu lil Ali Sadr Hashemi Nejad u lill-kompliċi tiegħu. U dan jistgħu jagħmluh biss bl-għajnuna attiva tal-Kummissarju tal-Pulizija Anġlu Gafà, tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u tal-uffiċjal li jmexxi l-FIAU Alfred Zammit. Kien ħażin li baqgħu f’posthom b’dak li għamlu fil-każ tal-Pilatus Bank. Il-pożizzjoni tagħhom hi aktar intollerabbli issa li bil-ktieb ta’ Robert Aquilina kulħadd jaf x’għamlu.

Jista’ biss jerġa’ jkollna fiduċja fl-istituzzjonijiet meta narawhom jirrispondu għall-fatti u għall-verità, mhux għall-ħtieġa li Joseph Muscat u Robert Abela jibqgħu jgawdu l-impunità.