Ir-rappurtaġġ fuq ħafna mezzi tax-xandir Maltin u barrannin jikkonfermaw dak li ilu ċar dwar l-iskema Maltija tal-bejgħ tal-passporti.

  1. L-iskema tal-passaporti Maltija hi mibnija fuq frodi: il-gidba li l-applikanti jkun ilhom jgħixu sena Malta qabel japplikaw. L-agħar hu li l-gvern mhux biss jagħlaq għajnejh iżda jipparteċipa bi ħġaru f’din il-gidba.
  2. L-iskema tal-passaporti Maltija tiddependi fuq diskrezzjoni inaċettabbli tal-Ministri mingħajr ebda skrutinju. Ir-regolatur jagħlaq għajnejh għal kull oxxenità. Issa sirna nafu li l-gvern eżerċita diskrezzjoni anke ‘l hinn mil-liġi billi ħeba l-isem ta’ akkwistatur ta’ passaport li suppost deher fil-Gazzetta tal-Gvern.
  3. L-iskema tal-passaporti Maltija xjentement tgħin lil minn jakkwista l-passaport jikser il-liġijiet ta’ pajjiżu. Hu ċar issa li parti sew minn dawk li jiksbu passaport Malti ġejjin minn pajjiżi li l-liġijiet tagħhom ma jħalluhomx. Dan ipoġġi lil Malta f’kunflitt diplomatiku dirett għax jitradixxi l-fiduċja ta’ pajjiżi oħra.

Fil-ġranet li ġejjin Repubblika se tippubblika dokument dettaljat dwar politika dwar iċ-ċittadinanza. Il-proposti tagħna jindirizzaw l-inġustizzji tal-liġijiet u l-politika dwar iċ-ċittadinanza tal-gvern. Minflok tgħaqqadna bħala aħwa Maltin, iċ-ċittadinanza tinbigħ lis-sinjuruni li ma jimpurtahom xejn minn pajjiżna.

Fil-proposti tagħna ser nitolbu wkoll li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti tiġi abolita darba għal dejjem.