29 ta’ April 2021

Dott. Anġlu Farrugia
President,
Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika
Il-Parlament ta’ Malta
Il-Belt Valletta

Mr Speaker,

Dwar il-laqgħa tal-bieraħ tal-Kumitat

Hu tassew tal-għaġeb kif minkejja l-għodda kollha f’idejh, il-Parlament ta’ Malta mhux kapaċi jistabilixxi standards etiċi għall-membri tiegħu u li jċanfar u jikkonfronta b’konsegwenzi raġjonevoli lil dawk mill-Membri tiegħu li jwaqqgħu isem kulħadd b’egħmilhom.

Qabel kellna Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, qabel kellna Kumitat Permanenti dwar l-Istandards, qabel kellna kull Kodiċi t’Etika li nkiteb, l-etika u d-distinzjoni bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin kienet hemm diġà. Qatt ma kienet xi ħaġa tajba jew aċċettabbli li uffiċjal pubbliku juża l-aċċess li għandu għall-fondi pubbliċi biex jonfoq dawk il-fondi għal skop personali. Minn mindu Malta sejħet lilha nnifisha demokratika, kull min inqabad jisraq fondi pubbliċi biex jużahom għalih kien mistenni jistħi u jsofri xi konsegwenza.

Il-ħolqien tal-infrastruttura tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma żied xejn ma’ dan, ħlief proċedura aktar raffinata, għax suppost il-Parlament ried jibgħat sinjal li għandu aspettattiva minnu nnifsu ta’ standards ogħla.

Minflok il-bieraħ fil-Kumitat li ppresedejt int rajna spettaklu tal-mistħija fejn legaliżmi patetiċi intużaw biex is-sewwa magħruf – li mhux tajjeb li Ministru nefaq il-flus tal-gvern għall-pubbliċità personali tiegħu – jindifen taħt oġġezzjonijiet fiergħa.

Insemmu b’mod partikolari l-oġġezzjoni tal-Membri tan-naħa tal-gvern li l-Kummissarju għall-Istandards esprima l-”opinjoni” li kien hemm ksur t’etika. Kull ġudizzju hu opinjoni. L-argument li sar il-bieraħ ifisser li min jinstab ħati minn Qorti jista’ jgħid li l-verdett kien biss l-opinjoni tal-ġurati u li ħadd m’għandu jagħti kasu.

Il-Kummissarju għall-Istandards tqabbad għax l-”opinjoni” tiegħu hi ġudizzju. Hu investiga, ġabar il-provi, talab spjega mill-Ministru suġġett tal-investigazzjoni u fforma opinjoni.

Dmir il-Kumitat kien li sakemm ma jafx b’xi fatti li l-Kummissarju ma kienx jaf bihom, jgħaddi biex jiddeċiedi x’sanzjonijiet għandhom jingħataw.

B’din l-iskuża tal-”opinjoni” il-Kummissarju għall-Istandards sar ħela ta’ ħin u flus u paraventu għal min irid jaġixxi lil hinn mill-etika b’impunità. Flok morna ‘l quddiem, morna lura.

Int ukoll inqast minn dmirek.

L-ewwel raġuni hi li dmirek hu li tipproteġi l-uffiċjali tal-Parlament mill-abbuż u l-intimidazzjoni tas-suġġetti tal-istħarriġ tagħhom jew l-alleati tagħhom. Ftit ġimgħat ilu għamilt sew meta qbiżt għall-Awditur Ġenerali meta kien mhedded minn xi ħadd għax l-Awditur kien qed jifforma “opinjoni” ta’ mġieba ħażina. Imma fil-każ tal-Kummissarju għall-Istandards flok ipproteġejtu, dort għalih għax din id-darba is-suġġett tal-istħarriġ tiegħu kien Ministru tal-gvern.

It-tieni, il-liġi ma ttikx il-casting vote bħala xi prerogattiva li tista’ teżerċita kif u meta trid. Fil-fatt il-liġi ma ttikx vot oriġinali. Ittik biss casting vote għax tridek tiżblokka sitwazzjonijiet fejn voti pari ma jippermettux konklużjoni. Il-casting vote hu għalhekk obbligu tiegħek u mhux xi ħaġa li tista’ tagħżel li ma twettaqx.

Int iggwidat mill-preċedenti li tuża l-casting vote tiegħek biex tippermetti li titkompla d-diskussjoni, flok titwaqqaf; biex meta ma jkunx opportunità li tkompli d-diskussjoni, tittieħed deċiżjoni b’maġġoranza; u fejn ikunu proposti emendi tivvota biex il-mozzjoni oriġinali ma tinbidilx.

Dawn huma preċedenti iżda li jassumu li l-bżonn ta’ casting vote ikun xi ħaġa rari. Iżda min fassal il-Kumitat għall-Istandards poġġa lilek ma’ żewġ Deputati minn kull naħa. Sakemm isaltan is-sens komun ikun sabiħ li deċiżjonijiet fuq imġieba etika jittieħdu b’konsensus bejn iż-żewġ naħat. Iżda l-bieraħ rajna li fil-Parlament m’hemmx sens komun jew sens ta’ etika. Minflok fil-Parlament tagħna isaltan it-tribaliżmu u f’dak l-ambjent hu ċar li Edward Zammit Lewis u Glenn Bedingfield mhux se jivvutaw skont il-kuxjenza meta membru tal-partit tagħhom jista’ jsofri xi konsegwenza.

Jaqa’ fuqek għalhekk li tiddeċiedi bejn x’inhu sew u x’mhux sew. Il-bieraħ int “iddeċidejt li ma tiddeċidix”. Flok żblukajjat is-sitwazzjoni, int irratifikajt l-imblokk u tfajt il-mistoqsija hux sew li Ministru juża fondi pubbliċi għal skopijiet personali f’limbu perpetwu.

Fi kliem sempliċi, int u tnejn mill-kollegi tiegħek f’dan il-Kumitat abdikajtu mir-responsabbiltajiet tagħkom u jew b’lealtà tribali jew b’kodardja ħallejtu l-kompliċità tagħkom tiġġustifika mġieba li mhix ġustifikabbli.

Allura issa gradwajna minn skandlu ta’ €7,000 misruqa mit-taxxi għall-pubbliċità personali ta’ Carmelo Abela għal skandlu ferm akbar: Deputati tal-Parlament li bejn il-ħażin u t-tajjeb jagħżlu l-ħażin u Speaker tal-Parlament mingħajr is-sinsla li jagħmel dak li l-liġi espressament tistenna minnu.

Nistgħu nagħmlu ħafna liġijiet, kodiċi, kumitati, uffiċjali u investigaturi. Finalment, jekk minn għandu l-poter jiddeċiedi m’għandux ir-rieda jew il-kuraġġ li jaġixxi għas-sewwa, l-istandard fil-ħajja pubblika jinżlu flok jogħlew.

L-aħħar osservazzjoni fuq materja ta’ proċedura. L-eżistenza tal-casting vote fil-liġi qegħda hemm għax vot pari mhux eżitu possibbli. Li kieku mod ieħor, il-liġi ma kinitx tikkontempla casting vote u kienet tesiġi minflok li f’każ ta’ parità il-vot jinftihem li m’għaddhiex. Imma l-liġi trid maġġoranza.

Dan ifisser li l-Kumitat għadu ma ddeċidiex jadottax ir-rapport tal-Kummissarju.

Nappellawlek għalhekk tlaqqa’ l-Kumitat biex jittieħed vot deċiżiv. U nappellawlek biex tuża din l-opportunità biex terfa’ r-responsabbiltà, tipproteġi l-uffiċjali tal-Parlament, u tara li b’egħmilek tagħti l-eżempju li fil-ħajja pubblika l-aġir tal-Ministru Carmelo Abela mhux aċċettabbli u għandu jkun sanzjonat.

Nippretendu li l-Parlament ma jkunx sempliċi magna li tagħmel il-liġijiet. Nippretendu li jkun l-istituzzjoni li twettaq skrutinju fuq l-imġieba tal-gvern u twaqqfu meta dik l-imġieba ma tkunx konformi mal-etika. Qed nittamaw li int u l-Kumitat ma tfallux f’dan id-dmir.

Jekk jogħġbok informa lill-membri tal-Kumitat b’din il-komunikazzjoni.

Bir-rispett,

Robert Aquilina
Kopja: Membri Parlamentari