F’April 2019 il-prim ministru kien għadu jgħid li għandu d-dritt sagrosant li jaħter ġudikanti li jagħżel hu. Spiss wisq il-gvern ta’ Joseph Muscat għażel ġudikanti skont x’qabel lilu jew lill-partit tiegħu. Illum, f’April 2021, Malta għandha ġudikanti ġodda li ntgħażlu ħielsa mill-indħil tal-gvern.  Din hi rebħa importanti u riżultat tal-attiviżmu determinat ta’ Repubblika.

Repubblika tinnota l-parir preliminari tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawza li għamilna biex jinbidel il-mod li bih Malta tagħżel l-imħallfin u issa tistenna d-deċiżjoni finali tal-Qorti Maltija.

Nagħmlu dawn ir-rimarki:

  1. F’Diċembru 2018 il-Kummissjoni Venezja kienet qalet li l-mod li bih Malta kienet tagħżel l-Imħallfin ma kienx konformi ma’ dak li llum nifhmu li għandu jiġri f’demokrazija. Il-Kummissjoni rrakkomandat li għandha tkun il-ġudikatura (mhux il-gvern) li jaħtar ġudikanti ġodda u dan wara li kull min hu kwalifikat u interessat jingħata l-opportunità li japplika.
  2. Meta smajna li l-gvern kien xorta se jaħtar ġudikanti bis-sistema l-antika, għamilna protest ġudizzjarju biex nappellaw lill-gvern iwettaq riforma qabel jinħatru ġudikanti ġodda. Il-gvern stina u injora l-protest ġuddizjarju tagħna.
  3. Repubblika fetħet din il-kawża f’April 2019 meta b’mod stinat il-gvern injora l-parir tal-Kummissjoni Venezja u biddel 13% tal-ġudikatura mingħajr ma ta l-opportunità li jinfetħu applikazzjonijiet u l-ġudikatura tagħżel ġudikanti ġodda b’mod indipendenti.
  4. Minn meta ftaħna l-kawża, il-gvern iddefenda s-sistema l-antika u talab lill-Qorti tgħid li Repubblika ma kellha ebda dritt tiftaħ din il-kawża.
  5. Il-Qrati Maltin u Ewropej irrikonoxxew id-dritt ta’ Repubblika li tinsisti fil-Qrati li Malta jkollha ġudikatura indipendenti.
  6. B’riżultat ta’ dan l-isforz u meta l-gvern ra li qed jissogra jitlef din il-kawża, seħħet ir-riforma li ġġilidna għaliha. Fil-fatt ġimgħa ilu għall-ewwel darba ġew nominati għall-ħatra ġudikanti ġodda li l-gvern ma kellux x’jaqsam fl-għażla tagħhom.

Li ma kienx għall-azzjoni ta’ Repubblika il-gvern ma kienx jagħmel riforma fil-ħatriet tal-ġudikatura u konna nibqgħu bis-sistema l-antika.

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja llum ikkonkludiet li Malta kienet obbligata li jkollha korp indipendenti li jevalwa kandidati u jagħti pariri fuq min jinħatar ġudikant. Qabel ir-riformi li saru b’riżultat tal-kawża ta’ Repubblika, dan il-korp indipendenti ma kienx jeżisti.

Il-ġimgħa li għaddiet Repubblika rebħet din il-kawża għax laħqet l-għan li jinbidel il-mod kif jintgħażlu l-ġudikanti u li dan ma jibqax f’idejn il-prim ministri imma jgħaddi f’idejn istituzzjonijiet indipendenti.

Repubblika ttenni li se tkompli bl-attiviżmu tagħha – anke fejn hemm bżonn fil-Qrati – biex tgħin jinkisbu t-tibdiliet kbar li għad hemm bżonn isiru biex f’Malta isaltnu d-demokrazija u d-dritt.