Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-iskandlu tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech, u t’Għawdex jinqara qisu ħolma kerha.

Nagħmlu dawn l-osservazzjonijiet:

  1. Hi mitoloġija fiergħa li Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu xi amministraturi pubbliċi li jwettqu l-mirakli bil-kompetenza u l-kapaċitajiet professjonali tagħhom. Anke jekk wieħed iwarrab is-suspett għal kollox raġjonevoli tal-korruzzjoni, ir-rapport jiddokumenta inkompetenza grassa, kaos amministrattiv fejn dipartment jaħdem minn wara dahar u kontra dipartimenti tal-gvern oħra, negozjar li jfittex l-iżvantaġġ għall-gvern flok il-vantaġġ, u inkapaċità totali li jkun infurzat kuntratt meta l-kuntrattur ma jagħmilx dak li ntrabat li jagħmel. Għall-anqas Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri huma grossolonament inkompetenti.
  2. Chris Fearne u l-Ministeru tas-Saħħa kienu għal kollox konxji li l-ftehim mal-VGH kien żvantaġġuż għall-pazjenti tas-servizz pubblika tas-saħħa u li ripetutament il-gvern kien qed jaħfer lill-VGH għax ma kellhomx il-flus biex iwettqu l-obbligi li għamlu. Dan ifisser li l-Ministru u l-Ministeru tas-Saħħa kienu jafu li l-gvern kien qed jagħmel ħsara lis-saħħa pubblika billi jħalli tlett sptarijiet pubbliċi jitherrew u m’għamlu xejn biex jikxfu dak li kien qed jiġri biex titwaqqaf il-ħsara.
  3. L-affarijiet ma qrasux mal-VGH meta nqalgħet xi ħaġa imprevista. Il-qrusa bdiet minn qabel rebħu l-kuntratt. L-Awditur Ġenerali jikkonferma li VGH kienu b’mod ċar ineliġibbli li jerbħu l-kuntratt tal-isptarijiet, ma messhom qatt intgħażlu, u l-kritika li kellu l-gvern fl-għażla li għamel kienet ġustifikata mill-bidu nett.
  4. Mhux biss Malta kienet iggvernata mill-“kitchen cabinet” ta’ Joseph Muscat minflok mill-Ministri maħtura skont il-kostituzzjoni, u mhux biss Edward Scicluna kien eskluż mid-deċiżjonijiet importanti li jittieħdu, imma hu issa dokumentat li deċiżjoni ta’ impenn li tiswa erba’ biljun ewro (€4,000,000,000) saret mingħajr ma kien jaf il-Ministeru tal-Finanzi. Dan mhux biss “nuqqas fl-amministrazzjoni tal-fondi pubbliċi” kif jiddiskrevih modestament l-Awditur Ġenerali. Dan hu att anti-demokratiku u anti-kostituzzjonali. Nittamaw sinċerament li f’Malta għandna liġijiet kriminali li jistgħu jintużaw biex jikkastigaw severament dan l-abbuż flagranti fi skala li qatt ħadd ma’ immaġina li għad ikollna gvern li kapaċi jwettaq.
  5. Nemmnu li ħadd li jaf jgħodd sal-għaxra mhu daqshekk inkompetenti li jagħmel dak li għamlu f’dan il-każ Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri mingħajr ma kienu qed jistennew xi premju personali fi bwiethom. Xejn ħlief korruzzjoni wikkiela, rgħiba, u patoloġikament indifferenti għall-ħela tal-flus pubbliċi u tas-sofferenza tal-morda li jiddependu fuq is-saħħa pubblika, ma tispjega din l-iskala t’abbuż. Kieku din il-katastrofi kienet prodott ta’ inkompetenza, xi ħadd kompetenti kien f’xi ħin jindaħal biex iwaqqaf dan il-ġenn. Ma sarx hekk minħabba l-korruzzjoni.

Ma’ dawn l-osservazzjonijiet inżidu dawn il-kummenti:

  1. Jekk wara dan ir-rapport nibqgħu għaddejjin qisu ma ġara xejn, inkunu qed nistiednu ‘l-gvern tal-lum u ‘l-gvernijiet futuri li flok servizzi tas-saħħa, jużaw it-taxxi tagħna biex iħaxxnu bwiethom u bwiet kuntratturi inkapaċi. L-eżami ta’ dan l-episodju katastrofiku m’għandux jieqaf bil-perspettiva tal-awditur. Jeħtieġ eżami mill-perspettiva kriminali biex tittieħed l-eħrex azzjoni permessibbli bil-liġi.
  2. Ma nifhmux għalfejn għadna nistennew l-eżitu ta’ inkjesta maġisterjali li ilha ordnata fuq inizjattiva tagħna minn Novembru 2019 u nifhmu anqas għalfejn il-pulizija donna qed tistenna li tingħalaq dik l-inkjesta biex tqum mir-raqda u taġixxi fuq dak li hu manifest li ġara.
  3. Jekk m’għandniex liġijiet adegwati li jikkastigaw abbuż ta’ poter ta’ din l-iskala, issa nafu li jeħtieġ nagħmluhom għax dak li qatt m’immaġinajna li kapaċi jagħmel prim ministru u nies viċin tiegħu, issa mhux biss nafuh imma ddokumentah ukoll l-Awditur Ġenerali.
  4. Intennu tweminna li s-saħħa pubblika ma tistax tkun pedina f’logħba li l-gvern jilgħab ma’ min jixtrih jew ma’ min jixtri lil min xtrah. L-isptarijiet għandhom jitreġġgħu lura minnufih f’idejn il-gvern u minnhom il-poplu Malti għandu jerġa’ jibda jingħata s-servizz li kien dara jippretendi qabel daħlu Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri biex fottew kollox għax hekk kien jaqbel lilhom.
  5. Chris Fearne ma jistax jibqa’ jaħsel idejh u jgħid li ma kienx jaf x’inhu jiġri. Il-pożizzjoni tiegħu ta’ Ministru tas-Saħħa kienet l-aqwa pożizzjoni biex wieħed ikun jaf li dak li kienu qed jagħmlu sħabu kien qed iweġġa’ lill-pazjenti tiegħu. M’għamel xejn. Issa għandu jerfa’ responsabbiltà għall-fatt sempliċi li meta seta’ u meta missu jaġixxi, ipprefera jaħseb għalih innifsu u qgħad kwiet.