Din il-ġimgħa jiskadi l-limitu ta’ żmien impost mid-Direttiva Ewropea dwar il-protezzjoni tal-whistleblowers biex id-Direttiva tiddaħħal fil-liġi Maltija. Fil-15 ta’ Novembru 2021, xahar biss qabel din l-iskadenza, il-gvern ippubblika l-Abozz 249 biex jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informatur, Kap. 527.

Minkejja appelli pubbliċi li Repubblika ilha tagħmel mill-bidu tas-sena biex il-gvern jikkonsulta fit-tħejjija ta’ dan l-abozz, sa xahar ilu l-gvern żamm mistur dak li kien qed jagħmel. Dan hu ta’ diżappunt kbir mhux biss għalina. Fir-rapport annwali tiegħu fl-2021, l-Ombudsman esprima diżappunt li ma ġiex ikkonsultat dwar emendi li jeffettwaw l-uffiċċju tiegħu u esprima t-tama li dan ma jerġax jiġri. Jidher li hekk reġa ġara.

Flimkien ma’ esperti mill-Whistleblowing International Network li fih hi msieħba Repubblika qed nanalizzaw l-Abbozz ta’ Liġi fid-dettall u f’Jannar se nkunu qed nippubblikaw opinjoni dettaljata.

B’mod preliminari iżda, l-Abbozz mhux inkoraġġanti.

Repubblika, bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet li jgħassu s-settur tal-whistleblowing fl-Unjoni Ewropea, il-Whistleblowing International Network, Transparency International EU u Eurocadres, tesprimi diżappunt għall-aġir tal-gvern li għaġġel u impona dawn l-emendi difettużi li ma jilħqux il-livell meħtieġ u lanqas jilħqu l-ispirtu tad-Direttiva Ewropea għall-protezzjoni tal-whistleblower.

Il-liġi tidher maħsuba biex tipproteġi biss individwi li jirrappurtaw lil taqsimiet formali speċifiċi. Dan b’kuntrast mal-mudell tal-ewwel liġi Ewropea biex tipproteġi lill-whistleblowers li ddaħħlet fir-Renju Unit fl-1998 li tipproteġi lil kull impjegat li jikxef xi ħaġa fl-interess pubbliku lil kwalunkwe persuna responsabbli jew lil xi ħadd li hu raġjonevoli wieħed jaħseb li hu responsabbli għall-ħażin li jkun qed iseħħ. Dan jestendi l-protezzjoni lil kull min javża lis-superjuri tiegħu li qed jagħmlu ħażin daqs li kieku għamlu rapport lil xi uffiċċju responsabbli li jirċievi dawn it-tip t’akkużi. Dan hu mudell inkluż ukoll fil-liġijiet tal-Irlanda u Franza.

Agħar minhekk il-liġi proposta għal Malta ma tipprovdi ebda forma ta’ indipendenza jew ħelsien minn kunflitti t’interess ta’ min jiddeċiedi jekk xhud jingħatax protezzjoni jew le. Dan ifisser li l-istess kif ġara kemm ilha f’Malta liġi li suppost tipproteġi ‘l-whistleblowers, xhieda potenzjali li jirfsu xi kallu tal-gvern ma jingħataw ebda garanzija ta’ protezzjoni.

L-esperjenza ta’ Malta mill-2013 ‘l hawn hi li l-gvern jikkontrolla lill-awtorità li tirċievi applikazzjonijiet għall-protezzjoni. Dan fisser li l-liġi qatt ma tħaddmet biex tinkixef il-korruzzjoni. Xhieda potenzjali ta’ korruzzjoni kienu mhedda b’konsegwenzi materjali jekk jikxfu l-informzzjoni li kellhom jagħtu biex jiġġustifikaw l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni. L-applikazzjonijiet ta’ dawn ġew rifjutati, aktarx għax kieku ngħataw il-protezzjoni ta’ whistleblowers l-informazzjoni li kienu jikxfu kienet tolqot ħażin lil persuni li kellhom kontroll fuq l-awtorità li kellha tiddeċiedi jingħatawx protezzjoni. 

Ir-Rapporti tal-Unjoni Ewropea dwar is-Saltna tad-Dritt f’Malta tal-2020 u l-2021 jinnutaw li l-liġi dwar il-protezzjoni kellha impatt limitat ħafna f’Malta. Dan jindika li l-liġi mhix jirnexxielha toffri lil xhieda potenzjonali s-serħan tal-moħħ ta’ protezzjoni mit-tpattija jekk jikxfu li jafu. L-emendi proposti ma jindirizzawx din il-problema.

Problema oħra fil-liġi kif qed tiġi proposta li tkun emendata hi li biex id-dritt tal-protezzjoni jiġi applikat, ix-xhud irid iġib hu l-provi li ġarrab konsegwenzi għax tkellem. Id-Direttiva Ewropea hi ċara tgħid li l-piż tal-prova għandu jkun fuq min jimpjega li juri li ma trattax ħażin lil xi impjegat li kixef xi ħaġa ħażina. L-abbozz ta’ liġi Maltija iżda tagħmel eċċezzjoni li min jimpjega jista’ jirritalja kontra l-impjegat li jikxef xi ħaġa ħażina li tkun “ġustifikabbli għal   raġunijiet organizzattivi mil-lat amministrattiv jew kummerċjali”. B’dan il-provvediment se jkun faċli ħafna għal min jimpjega biex jassigura li l-impjegat li jikxifhom li qed jagħmlu xi ħaġa ħażina jiċċaħħad mill-protezzjoni li ttih id-Direttiva Ewropea.

Il-każ ta’ Jonathan Ferris juri d-dilemma li jikkonfrontaw xhieda potenzjali li jkollhom quddiemhom ir-riskju ta’ kastig li jvarja mit-tkeċċijja mix-xogħol sal-ħabs jekk jikxfu qabel jingħataw il-protezzjoni ta’ whistleblowers, informazzjoni li tista’ twassal għall-prosekuzzjoni kontra l-korruzzjoni.

Fuq il-karta l-emendi jtejjbu l-liġi li teżisti s’issa. Iżda it-toqob li fiha huma kbar u jherru l-fiduċja li l-liġi kapaċi tagħti protezzjoni lil min mingħajrha jaqbillu jiskot minflok ibati l-konsegwenzi talli jitkellem. Dan il-fatt waħdu se jkompli jsikett lil xhieda potenzjali fil-futur kif ġara s’sissa.

Il-liġi tal-whistleblower kemm ilha f’Malta ma ħadmitx. Intużat darba biss u ma wasslet għall-ebda sejba ta’ ħtija, anzi l-qorti ikkritikat lill-pulizija għax ressqu każ mingħajr bażi. Minn barra deher ċar li l-każ kontra Anthony Debono kien politikament motivat biex jiksredita lil martu Giovanna Debono għax kienet Deputat tal-Oppożizzjoni. Fl-istess waqt xhieda potenzjali fi skandli maġġuri ta’ korruzzjoni li jinvolvu uffiċjali ewlenin tal-gvern inkluż il-prim ministru, ma ngħatawx il-protezzjoni bħala whistleblowers jew qalu li ngħataw il-parir li ma jistrieħux fuq il-protezzjoni li suppost twiegħdhom il-liġi.

Infakkru bħala eżempju l-esperjenza ta’ Maria Efimova, waħda mis-sorsi ta’ Daphne Caruana Galizia, li kellha taħrab minn Malta minħabba r-riskju għas-sigurtà tagħha wara li kixfet il-ħażin li kien qed jagħmel Pilatus Bank li kien jimpjegha. Maria Efimova ingħatat rikonoxximent mill-Blueprint for Free Speech għall-kuraġġ tat-testimonjanza tagħha iżda f’Malta hi meqjusa ineliġibbli għall-protezzjoni bħala whistleblower u l-awtoritajiet Maltin għadhom qed jiġru warajha.

F’Settembru 2021, in-Network of European Integrity and Whistleblowing Authorities (NEIWA) adottat dikjarrazjoni li talbet lill-Parlamenti Ewropej jassiguraw li d-Direttiva tiddaħħal fil-liġijiet tal-pajjiżi Ewropej sew. Id-dikjarazzjoni irrakkomandat li l-awtoritajiet li jirċievu rapporti ta’ mġieba ħażina ikollhom ir-riżorsi u l-awtonomija biex jagħmlu xogħlhom sew biex ix-xhieda jingħataw il-protezzjoni li trid il-liġi.

Ma niskantawx li ebda aġenzija Maltija m’hi membru ta’ dan in-netwerk.

Fir-riċerka tagħna, Repubblika tkellmet ma’ Tom Devine, Direttur Legali tal-Government Accountability Project ibbażat f’Washington, l-Istati Uniti, u fundatur tal-Whistleblower International Network, li qalilna:

“L-emendi li jdaħħlu fil-liġi Maltija d-Direttiva Ewropea qishom ferrovija b’ħafna qniepen u sfafar iżda b’makna diffettuża u perikoluża. Ili nagħti pariri lill-whistleblowers 43 sena, u minn hawn navża lil kull min jaħseb li jista’ jistrieħ fuq id-drittijiet li ttih il-liġi Maltija li suppost tipproteġi ‘l-whistleblowers, ikun qed jagħmel suwiċidju professjonali. Taħt ix-xinxilli kollha tagħha, din il-liġi mhi xejn aħjar minn Żiemel ta’ Trojja.”

Malta għandha bżonn qafas leġislattiv serju biex tipproteġi lill-whistleblowers għax Malta teħtieġ tħajjar lil kull min għandu informazzjoni dwar korruzzjoni jew suspett ta’ prattiċi illeċiti li jitkellem dwar dak li jaf. Din hi għodda kruċjali jekk irridu niġġieldu l-korruzzjoni. 

Aktar dettalji dwar il-fehma preliminari ta’ Repubblika dwar din it-tema jinstabu fuq is-sit tagħna repubblika.org.

Flimkien mal-Whistleblowing International Network, Transparency International EU u Eurocadres nappellaw lill-gvern li jipposponi d-dibattitu Parlamentari dwar dan l-abbożż ta’ Liġi għal wara konsultazzjoni wiesgħa, trasparenti u effettiva dwar ir-riformi tant meħtieġa għall-protezzjoni tal-whistleblowers u allura għat-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva Ewropea.

Nifhmu li l-konsultazzjoni ikollha ssir wara li jiskadi ż-żmien impost mid-Direttiva biex tiddaħħal il-liġi l-ġdida li l-gvern ilu jaf ħafna dwaru. Iżda ħafna aħjar fil-fehma tagħna li d-Direttiva tiġi trasposta sew milli minflok jiddaħħal ‘iż-Żiemel ta’ Trojja’ li għandu quddiemu l-Parlament.

Aqra aktar