Repubblika tinnota r-rapport f’The Sunday Times of Malta li jikkwota b’mod estensiv il-konklużjonijiet tal-Kummissarju George Hyzler dwar l-imġieba mhux etika ta’ Justyne Caruana. Jidher li hemm għalfejn wieħed jemmen li f’dan il-każ twettqu reati kriminali.

Il-proċeduri dwar iż-żamma tal-istandards s’issa ġew konsistentement maħnuqa mill-gvern bl-għajnuna tal-Ispeaker biex kull min instab ħati li kiser l-etika jiġi protett. Hekk ġara lil Carmelo Abela u hekk ġara lil Rosianne Cutajar.

Kull darba r-reputazzjoni tal-Parlament u tal-klassi politika kompliet teħżien.

Nappellaw lil Justyne Caruana li fl-aħħar ta’ dan l-iskandlu turi dinjità u twaqqaf il-kampanja ta’ gideb, logħob bid-diskors, u skużi mqanżħa biex tipprova ssalva l-ġilda politika tagħha. Issa li l-gideb li nqabdet fih hu dokumentat u li hu ċar għal kulħadd li abbużat mill-poter tagħha u ħarqet (jew serqet) flejjes pubbliċi, Justyne Caruana għandha tirreżenja mill-Parlament u tirtira mill-politika.

Jekk ma tagħmilx hekk, mill-ġdid nippretendu li l-Prim Ministru jwarrabha mill-gvern u li sħabha jwarrbuha mill-grupp Parlamentari tagħhom.

Għalkemm ftit għandna tama li wara imġebithom fil-każijiet ta’ Carmelo Abela u Rosianne Cutajar, Robert Abela u l-Grupp Parlamentari Laburista se jagħmlu dak li hu dmirhom jagħmlu fil-każ ta’ Justyne Caruana, inħossu li jibqa’ dmirna nappellaw li l-politiċi jimxu b’mod etiku u li meta ma jagħmlux hekk għandhom ikunu sħabhom stess li jassiguraw li jiffaċċjaw konsegwenzi xierqa.