Bħall-bqija ta’ Malta, Repubblika hi maħsuda u ddiżgustata li l-Avukat Ġenerali jidher li ħafret lil Darren Debono magħruf bħala t-Topo u evitatlu piena twila u meritata fil-ħabs wara li spara u pprova joqtol lil pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Lil Deboni ħafritlu u ffrankatlu l-ħabs u xorta dan il-kriminal jibqa’ determinat jgħatti għall-kompliċi tiegħu fis-serqa tal-HSBC tal-2010.

Darren Debono qal fil-qorti llum li jibża’ għal ħajjtu u ħajjet familtu jekk isemmi min kien kompliċi f’dik is-serqa ħlief għal Vince Muscat. Vince Muscat qed jiġi pproċessat għal dik is-serqa wara li meta offra li jsemmi l-kompliċi kollha, it-talba tiegħu għal patteġġjament ġiet rifjutata.

Bejn żewġ kriminali l-Avukat Ġenerali għażlet li tipproċessa lix-xhud li kien lest isemmi ‘l kulħadd u taħfer lix-xhud li ma jrid jixhed kontra ħadd.

Qabel il-proċess preżenti, Vince Muscat identifika lill-Ministru Carmelo Abela u lill-eks-Ministru Chris Cardona bħala kompliċi f’dan ir-reat.

Darren Debono qed jirrifjuta li jgħid min kienu l-kompliċi.

Din hi informazzjoni li jafha kulħadd għax hi fil-pubbliku u allura kienet taf biha wkoll l-Avukat Ġenerali meta ħadet id-deċiżjonijiet li ħadet.

Hu ċar għalina b’dak li rajna fil-Qorti llum li d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali ma kinitx fl-interess tal-ġustizzja iżda fl-interess tal-persuni li Vince Muscat diġà allega u kien dispost jixhed li kienu kompliċi.

Il-funzjoni tal-Avukat Ġenerali mhix li tipproteġi lill-Ministri tal-gvern imma li tara li ssir ġustizzja ma kulħadd bla ma tħares lejn wiċċ ħadd.

Meta fis-6 ta’ Jannar 2022 ħarġet l-aħbar li l-Avukat Ġenerali daħlet f’patteġġjament ma’ Darren Debono, li kien mixli li pprova joqtol pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom, tlabniha tispjega d-deċiżjoni tagħha. Ma fihmniex għalfejn ftehmet ma’ Darren Debono anke għax fl-imgħoddi Darren Debono diġà nqabad jagħti xhieda falza.

L-Avukat Ġenerali injorat it-talba tagħna li tagħti spjegazzjoni biex nifhmu x’riedet tagħmel.

Kienu x’kienu l-motivazzjonijiet tagħha ħalliet jiżgiċċa mill-ġustizzja xi ħadd li spara fuq il-pulizija u pprova joqtolhom waqt li l-kompliċi tiegħu xorta se jibqgħu barra jidħqu b’pajjiż sħiħ għax ħadd ma jista’ għalihom.

Hu ċar għalina li wara dan it-tradiment lejn il-ġustizzja, l-Avukat Ġenerali għandha tirriżenja.