Illum għandna konferma oħra tal-qarnita mafjuża li ħakmet lill-pajjiżna.

Dalgħodu it-Times ixxandar storja fejn ex avukat ta’ Vince Muscat il-Koħħu kkonferma li l-kriminali kienu jafu minn qabel li kienu se jiġu arrestati b’rabta mal-qtil ta’ Daphne; saħansitra jafu dak li l-Pulizija kellhom dwarhom.

L-avukat igħid li l-investigazzjoni kienet qisha “għarbiel”.

Il-kriminali fil-Gvern u l-maħmuġin fil-Pulizija kienu qed jaħdmu id f’id mal-qattiela ta’ Daphne.

Il-kriminali fil-Gvern u l-maħmuġin fil-Pulizija iddeċidew li jpoġġu fil-periklu l-ħajja tal-Pulizija ż-żgħar biex iħarsu l-interessi tal-mafja tagħhom.

Imbagħad dawn il-kriminali fil-Gvern u l-maħmuġin fil-Pulizija iddeċidew li jidħku bina u jiftaħru kemm kienu qed jaħdmu biex jaqbdu lil min qatel lil Daphne. Niftakru kif dakinhar tal-arrest, il-Prim Ministru sfiduċjat Joseph Muscat għamel konferenza stampa ġewwa Kastilja biex igħid lill-pajjiż kollu dak li l-kriminali kienu ilhom jafu.

Illum, 4 snin u nofs wara din il-kummiedja kriminali għadu ma sar xejn kontra l-ebda uffiċjal tal-Pulizija u tal-Gvern involut f’dan il-ħmieġ. Min qed jiġi protett?

Repubblika mhix se tieqaf qabel ma ssir magħrufa il-verità sħiħa u qabel ma ssir ġustizzja.