Repubblika tirringrazzja lill-uffiċji tal-Awditur Ġenerali, tal-Kummissarju għall-Istandards u tal-Ombudsman għas-servizz li qed jagħtu favur il-ħarsien u l-promozzjoni tas-saltna tad-dritt.

Nieħdu l-okkażjoni tal-aħħar tas-sena biex nuru pubblikament l-apprezzament tagħna lejn dawn l-istituzzjonijiet li għadhom josservaw il-ġurament tal-ħatra li ħadu.  Nagħrfu u napprezzaw li dawn baqgħu iwettqu dmirhom minkejja l-ostakli kbar u t-tfixkil kontinwu mill-Gvern u minn istituzzjonijiet oħra li għażlu li jbiegħu ruħhom.

Nirringrazzjaw ukoll lil dawk il-ġurnalisti u dawk il-meżżi tax-xandir li l-unika lealtà li għandhom hija lejn il-verità u lejn is-sewwa.  F’dan il-kuntest ma nistgħux nisktu dwar il-qagħda preokkupanti tax-xandir pubbliku li minflok strument ta’ edukazzjoni u ta’ żvilupp tal-ħsieb kritiku qed iħalli ruhu li jintuża bħala apparat ta’ propaganda tal-Gvern.

Nuru l-apprezzament tagħna għal dawk l-individwi li minkejja li l-kapijiet tal-istituzzjonijiet tagħhom inxtraw, għadhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom lejn l-Istat u lejn is-sewwa.  Nagħrfu t-tfixkil li jaffaċċjaw kif nagħrfu wkoll il-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom.  Grazzi.

Repubblika tirringrazzja wkoll lill-għaqdiet u liċ-ċittadini li huma impenjati favur is-saltna tad-dritt, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, it-tisħiħ tas-sewwa u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’pajjiżna.  Grazzi għad-dedikazzjoni u għall-ħidma tagħkom.

Fl-aħħar ta’ din is-sena, Repubblika ġġedded l-impenn tagħha favur is-saltna d-dritt u tistqarr li se tkun aktar impenjata f’din il-ġlieda matul is-sena li ġejja.