Il-Parlament qed isaħħaħ il-kompliċità tiegħu fl-impunità, waħda mill-akbar problemi li qed jaffaċċja pajjiżna. Il-ħatra tal-Onor. Rosianne Cutajar bħala president ta’ kumitat tal-Parlament, hija messaġġ mill-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna li hawn nies li, jagħmlu x’jagħmlu, ma jkun ġara xejn.

Ftit ġimgħat wara li l-Parlament sab lill-Onor Rosianne Cutajar kisret il-kodiċi ta’ etika, l-istess Parlament ħatarha president ta’ kumitat permanenti.

Ma nistagħġbux li kien id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li ressaq il-mozzjoni biex l-Onor Cutajar tinħatar president tal-kumitat permaneti dwar is-saħħa. Wara kollox kien Dr Fearne nnifsu li ħatar u żamm lill-canvasser tiegħu Carment Ciantar f’posizzjoni fejn taqla’ 13,500 ewro fix-xahar minkejja li hu kuntratt irregolari.

Nistagħġbu kif l-Oppożizzjoni ma oġġezzjonatx għal din il-ħatra u nistennew li tispjega l-pożizzjoni tagħha.

Repubblika jidhrilha li dan l-aġir tal-Parlament Malti huwa insult lill-poplu Malti li jistenna mġieba xierqa min-nies li hu jagħzel u jħallas biex imexxu lill-pajjiż b’mod integru. Persuni jsiru onorevoli għax iġibu ruħhom b’mod onorabbli u mhux għax ikollhom siġġu fil-Parlament.