L-Editur,
Public Broadcasting Services Ltd

29 ta’ Ottubru 2021

Sinjura Saliba,

Qiegħed inressaq dan l-ilment formali fil-konfront tal-istazzjon nazzjonali TVM għar-raġuni li fil-bulettin tal-aħbarijiet tal-bieraħ, il-Ħamis 28 ta’ Ottubru, ma ġietx irrappurtata konferenza stampa li aħna għamilna fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar waqt l-azzjoni ta’ 72 siegħa sit-tin li qed nagħmlu quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Il-kamra tal-aħbarijiet li tmexxi inti lanqas biss indenjat ruħha tibgħat ġurnalist/a biex din il-konferenza stampa tkun tista’ tiġi rrappurtata fuq listazzjon li suppost huwa tal-poplu kollu.

F’din il-konferenza stampa aħna ħabbarna li llejla, fi tmiem l-azzjoni ta’ sit-in, se nkunu qed nagħmlu protesta nazzjonali fi Pjazza Kastilja, quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Matul din il-konferenza stampa tajna d-dettalji dwar ir-raġunijiet l-għaliex qed tissejjaħ din il-protesta nazzjonali u appellajna lil kull min jaqbel magħna biex jattendi għall-protesta tal-lejla.

Aktar tard matul il-ġurnata tal-bieraħ, ġurnalisti tal-istazzjon nazzjonali kienu preżenti għal żjara li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech lill-membri ta’ Repubblika li qed jagħmlu s-sit-in quddiem id-Depot. Filwaqt li fil-bulettin tal-bieraħ ġie rrappurtat dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni waqt din iż-żjara, ma saret ebda referenza għal dak li għedt jiena u, għaldaqstant, reġgħet ġiet iċċensurata l-aħbar li Repubblika qed issejjaħ protesta nazzjonali.

Huwa evidenti li l-uniku intenzjoni ta’ din iċ-ċensura ta’ TVM hija li l-poplu ma jkunx infurmat li s-soċjetà ċivili qiegħda ssejjaħ protesta nazzjonali. Huwa evidenti li TVM ma jridx li n-nies tkun taf li se ssir protesta nazzjonali li għaliha jistgħu jattendu. Huwa evidenti li TVM, f’konfoffa mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, trid tfixkel l-għażla ħielsa tal-poplu Malti dwar jekk illejla għandux jattendi jew le billi lanqas biss tinfurmaħ li se ssir protesta.

Din iċ-ċensura mhix aċċettabbli f’demokrazija u mhux aċċettabbli iktar u iktar li istituzzjoni li suppost hija tal-poplu kollu sservi l-interessi partiġġani tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mhux id-dritt sagrosant tal-poplu li jkun infurmat.

Għaldaqstant, qed nitolbok biex b’mod immedjat tinfurmani kif se tkun qed tirrimedja għal din is-sitwazzjoni b’mod urġenti.

Qiegħed nibgħat kopja ta’ din l-ilment lill-Awtorità tax-Xandir.

Dr Robert Aquilina
President