Irridu Parlament li jħares l-interessi tal-Maltin kollha.  Irridu Parlament magħmul minn nies onesti u kompetenti.  Irridu Parlament li jagħmel dmiru.

Repubblika tqis li l-okkażjoni tal-lum, egħluq il-mitt sena mill-ftuħ tal-ewwel Parlament Malti, hija opportunità tajba biex nirriflettu fuq il-qagħda tal-Parlament illum  u biex niddiskutu kif dan għandu jiġi msaħħaħ.

Jidhrilna li bħalissa il-Parlament Malti qed jonqos fid-dmir ewlieni tiegħu li jżomm kontroll fuq il-Gvern. Biżżejjed naraw kif persuni bħal Konrad Mizzi, Rosianne Cutajar u Carmelo Abela jgħadduha lixxa minkejja l-azzjonijiet irregolari tagħhom bħala membri tal-Gvern.  

Ninnutaw kemm il-Gvern qed jirrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet parlamentari biex jagħti informazzjoni dwar egħmilu avolja huwa obbligat li jagħmel hekk.

Ninnutaw ukoll li fil-waqt li hu mistenni li f’kull qasam qed tiżdied il-professjonalità u l-kompetenza, l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna għadha taħdem fuq bażi part-time ta’ ftit sigħat fil-ġimgħa u fejn numru sewwa ta’ membri jew ma jattendux jew jattendu għal ftit minuti, kemm ma jitilfux l-onorarja.

Ninnutaw il-livel fqir ta’ diskussjoni li ssir fil-Parlament u kif dan qed jispiċċa f’sempliċi timbru ta’ dak li jrid il-Gvern.

Ninnutaw li r-regoli ta’ kif jaħdem il-Parlament (Standing Orders) huma regoli skaduti u li mhumiex adattati għal demokrazija ta’ llum.

Fil-bidu ta’ din is-sena aħna preżentajna l-analiżi tagħna u ressaqna numru ta’ proposti għad-diskussjoni.

Sfortunatament, s’issa ma rċevejna l-ebda reazzjoni mill-Gvern u lanqas mill-Ispeaker. Madanakollu, aħna se nibqgħu impenjati li nagħtu l-kontribut tagħna biex il-Parlament tagħna jissaħħaħ u jiżviluppa fi strument utli għall-iżvilupp ta’ pajjiżna u tad-demokrazija.  

Għalhekk nerġgħu intennu t-talba tagħna biex  il-Parlament u l-Gvern jidħlu fi djalogu mas-soċjetà Maltija għat-tiġdid u t-tisħiħ tal-Parlament Malti.

Mehmuża il-proposti ta’ Repubblika għal Riforma tal-Parlament,  ppreżentati f’Jannar 2021