Il-Prim Ministru Robert Abela għandu jiddikjara b’mod ċar jekk il-Gvern tiegħu hux favur id-demokrazija, il-libertà u s-saltna tad-dritt.

Repubblika tqis li l-Prim Ministru għandu jkun ċar wara l-attakk aħrax li d-Deputt Glenn Beddingfield għamel kontra l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, inkluż l-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Istandards u l-Ġudikatura, kontra l-media indipendenti u kontra s-soċjetà ċivili.

Ma jistax ikun li f’soċjetà demokratika u fi stat membru tal-Unjoni Ewropea, il-Kap tal-Gvern jibqa’ sieket meta deputat fuq in-naħa tal-Gvern, anzi il-Whip tan-naħa tal-Gvern,  jattakka dawn l-istituzzjonijiet u jakkużahom li huma “qarnita” u “establishment” li qed jaħdmu b’mod ko-ordinat biex jagħmlu l-ħsara.

Id-diskors tad-Deputat Beddingfield ifakkar f’diskorsi oħra li saru f’parlamenti oħra meta l-iStat kien beda t-triq biex isir wieħed totalitarju u dittatorjat.  L-azzjonijiet anti-deomkratiċi dejjem bdew bid-diskors li tħalla għaddej.

Ifakkarna wkoll fl-akkuża riċenti ta’ Donald Trump tad-“deep state” li saħanistra wasslet għal theddida vjolenti kontra d-demokrazija fl-Istati Uniti.

Nieħdu l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lill-dawk l-istituzzjonijiet li għadhom iwettqu dmirhom u nuruhom l-appoġġ tagħna.

Il-Prim Ministru għandu jkun ċar jekk iridx Stat fejn l-istituzzjonijiet jagħmlu dmirhom, inkluż li jkunu għodda ta’ check and balance, inkella li jkunu timbru għall-abbuż.