Il-Gvern m’għandux jippermetti li l-poplu Malti jispiċċa jħallas miljun ewro bħala kumpens għall-abbuż li wettaq il-Gvern biex jaqdi l-interessi ta’ partit politiku.

Repubblika issostni li l-miljun ewro kumpens li l-Qorti tat wara li l-Gvern abbuża biex is-sidien ta’ dar privata f’Birżebbuġa ikunu sfurzati jikru l-propjetà privata tagħhom biex tintuża bħala każin politiku m’għandhomx jitħallsu mit-taxxi tal-poplu Malti.

Aħna nemmnu li dan il-miljun ewro kumpens għandhom jitħallsu jew personalment minn min wettaq l-abbuż inkella mill-Partit Laburista li gawda każin politiku f’post prominenti ġewwa Birżebbuġa għal 42 sena.

Huwa insult kbir lid-demokrazija meta l-persuni magħżula biex jiddefendu l-interessi tal-poplu jiksru d-drittijiet tal-bniedem u huwa insult akbar li imbagħad il-poplu nnifsu jispiċċa jħallas il-kumpens għal dan l-abbuż.

Dan il-każ gravi huwa wieħed minn sensiela ta’ abbużi tal-politiċi fejn dawn jużaw ir-riżorsi u l-poteri tagħhom għal-interess privat. Dawn ivarjaw minn użu ta’ fondi pubbliċi biex jagħmlu reklami għalihom nfushom għal sitwazzjonijiet bħal dawn li jinvolvu l-miljuni.