Ma nistgħu nimmaġinaw ebda ċirkostanza fid-dinja demokratika fejn kap ta’ gvern jintalab minn investigazzjoni parlamentari jwieġeb allegazzjoni ta’ aġir inetiku u dan jirrifjuta li jwieġeb mingħajr ma jirreżenja.

Hekk għamel Robert Abela meta irrifjuta li jwieġeb domandi tal-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler dwar allegazzjonijiet ta’ mġieba mhix etika. Arnold Cassola talab lill-Kummissarju Hyzler jistħarreġ dak li rrappurtat Times of Malta li teżisti evidenza li Robert Abela iddiskuta mal-allura Kummissarju tat-Taxxi Marvin Gaerty dwar it-taxxi personali tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Isiru dawn l-osservazzjonijiet:

  1. Robert Abela ma ċaħadx li ddiskuta t-taxxi ta’ xi ħaddieħor mal-Kummissarju tat-Taxxi;
  2. Marvin Gaerty ma ċaħadx lanqas. Il-fatt li eżerċita d-dritt tiegħu li ma jwiġibx mistoqsijiet li beża’ setgħu jinkriminawh ifisser li ma nistgħux niġbdu konklużjonijiet legali dwar x’ġara.

Nistgħu iżda niġbdu konklużjoni politika ċara. Il-Prim Ministru mhux f’pożizzjoni li jiċħad allegazzjoni serja ħafna t’abbuż ta’ poter, ksur tal-liġi dwar il-privatezza, u att anti-demokratiku li jabbuża mill-awtorità tiegħu għal vantaġġ personali jew partiġġjan.

Hu indikazzjoni ta’ kemm hi mherrijja s-saltna tad-dritt f’pajjiżna li dak li stqarr il-Kummissarju Hyzler fl-aħħar rapport tiegħu ma jwassalx għal skandlu maġġuri.

Jekk il-Prim Ministru mhux f’pożizzjoni li jiggarantixi li qatt ma ndaħal fuq każijiet individwali ta’ taxxa u Ii qatt m’abbuża mill-poter tiegħu għall-vantaġġ personali jew partiġġjan tiegħu, mhux postu jkun Prim Ministru.

F’dan il-kuntest ma nistgħux ma ntennux it-tħassib tagħna li għadu ma nħatarx Kummissarju biex jieħu post George Hyzler. Waqt li l-pożizzjoni kienet okkupata kellna ‘l xi ħadd li kien qed jiddokumenta kemm kienu baxxi l-istandards fil-ħajja pubblika Maltija. L-uniku mod kif nistgħu niġu agħar minhekk hu li ma jkollna ħadd imqar jagħmel ix-xogħol li jipprova jistħarreġ l-imġieba inetika tal-politiċi.