Ilu ħafna ċar li l-kontinwazzjoni ta’ Alex Dalli bħala direttur tal-ħabs hi minnha nnifisha periklu għall-ħajja tal-persuni fdati fil-kura tiegħu. Il-metodi tiegħu, l-imġieba tiegħu, u d-“dixxiplina” li jgħid li jeżerċita fi kliemu stess biex inissel biża fil-priġunieri, huma il-kawża ta’ mewt oħra fil-ħabs illum. Din hi brutalità li mhemmx postha f’pajjiż ċivilizzat.

Xbajna nisimgħu skużi. Nifhmu li xi suwiċidji jistgħu jiġru minkejja kull sforz li jkunu evitati. U nafu li ċ-ċirkostanzi tal-mewt li tħabbret illum għadhom mhux magħrufa. Iżda waqt li nirrikonoxxu dan kollu, irid jingħad li qatt fil-memorja ta’ pajjiżna ma seħħew tant imwiet qabel waqthom fil-ħabs fi żmien daqshekk qasir. Dawn ir-rati ta’ mwiet huma inaċċettabbli fi kwalunkwe ħabs f’demokrazija.

Alex Dalli juri tendenzi militaristiċi u proto-faxxisti f’imġiebtu, f’egħmilu u fi kliemu. Il-ħabs għandu jitmexxa skont normi aċċettati f’demokraziji ċivili oħra min-nies imħarrġa apposta f’dan il-qasam. Fil-każ tagħna il-ħabs hu mmexxi minn xi ħadd li għandu żewġ kredenzjali biss: sakra għall-poter u l-vjolenza u ħbiberija ma’ Joseph Muscat.

Id-difiża politika ta’ Alex Dalli m’għadhiex tenibbli. Il-Ministru Byron Camilleri għandu jassumi responsabbiltà politika għall-ostinità tiegħu li qed tiswa l-ħajja ta’ aktar u aktar nies fdati f’idejn l-Istat. Ir-riżenja ta’ Byron Camilleri issa hi meħtieġa.