Huwa ċar li l-ħmieġ tal-Gvern ta’ Joseph Muscat huwa bir bla qiegħ. Wasalna fi stat li kważi skandlu inessi lill-ieħor.

Quddiem l-istorja xokkanti pubblikata mis-Sunday Times dalgħodu, fejn sirna nafu bil-flus imħallsa lil Joseph Muscat minn kumpanija marbuta mat-tmexxijiet tal-isptarijiet ta’ pajjiżna, Repubblika tirringrazzja lill-ġurnalisti għas-servizz tagħhom. Il-ġurnaliżmu veru, dak li mhux propaganda, huwa servizz pubbliku ewlieni li jipproteġi lis-soċjetà u liċ-ċittadini onesti.

Jidhrlina li din l-istorja tqajjem numru ta’ mistoqsijiet oħra, fosthom:

  • Robert Abela, Chris Fearne u Edward Scicluna kienu jafu li seħibhom Joseph Muscat kien qed jinnegozja magħhom dwar l-isptarijiet? Jekk kienu jafu, nistgħu inserrħu rasna li kienu qed jiddefendu l-interessi ta’ pajjiżna?
  • Joseph Muscat kien qed jitħallas ta’ din l-imsejħa konsulenza fl-istess żmien li l-Prim Ministru Robert Abela qalilna li Muscat kien konsulent tiegħu. Għaliex Robert Abela ma jidhirlux li hawnhekk hawn konflitt ta’ interess.
  • Nafu li Konrad Mizzi kien il-perit ewlieni tal-bejgħ tal-isptarijiet ta’ pajjiżna. Jagħti l-każ li Konrad Mizzi huwa wkoll konsulent?
  • Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali se jibqgħu ċassi?

Repubblika mhix se tieqaf hawn.