Dak li ġara fil-Qorti llum, meta John Dalli ħareġ mingħajr ma ffaċċja akkużi li ilhom fuq il-karta minn Diċembru 2012, hi kummiedja li ma ddaħħaq ‘il ħadd. Lil ħadd ħlief lill-politiċi-kriminali li jafu li quddiem ir-reati tagħhom, l-istat Malti m’għandux is-saħħa u r-rieda li jaġixxi.

F’Diċembru 2012, il-pulizija ddeterminat li kellha provi biżżejjed biex takkuża lil John Dalli b’korruzzjoni minħabba egħmilu meta kien Kummissarju Ewropew. L-Avukat Ġenerali, dakinhar Peter Grech, qabel ma’ dik id-determinazzjoni.

John Dalli evada l-ġustizzja sakemm tela’ l-gvern Laburista li ggarantielu immunità fil-prattika billi qabbad Kummissarju tal-Pulizija li ma riedx imissu.

John Dalli ilu jevadi l-ġustizzja disa’ snin u dan bl-għajnuna tal-istituzzjonijiet li ħallewh ħieles.

Issa li fl-aħħar irċieva taħrika biex iwieġeb dawn l-akkużi, l-Avukat Ġenerali qed tgħid li sabet provvediment tat-Trattat tal-UE li jista’ jagħti lil John Dalli immunità legali. Repubblika għandha dubji serjissimi li din l-immunità tista’ tiġi applikata meta uffiċjal tal-UE juża l-pożizzjoni tiegħu biex jixxaħħam u jinxtara.

Imma anke sakemm nistennew ir-risposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar din il-materja, Repubblika bil-fors issaqsi għalfejn l-Avukat Ġenerali damet disa’ snin biex issaqsi mistoqsija daqshekk fundamentali għal każ ta’ korruzzjoni tant serju u prominenti. Għal snin sħaħ Malta kienet ikkritikata madwar id-dinja għax m’aġġixxietx fil-każ ta’ John Dalli. Jekk veru John Dalli jgawdi minn immunità legali kien ikun tajjeb għal Malta li kieku l-Avukat Ġenerali tkellmet ħafna u ħafna ilu.

Ikollna iżda naħsbu li din tal-immunità legali hi skuża fjakka, stupida, u irresponsabbli. John Dalli llum igawdi minn dak li ilu jgawdi mill-jum li fih irritorna Malta fuq stedina ta’ Joseph Muscat, mhux biss immunità imma impunità.

Dan ukoll hu l-mod farsesk u imbarazzanti, li l-istituzzjonijiet tagħna jaġixxu fl-interess tal-kriminali fil-poter mhux taċ-ċittadini vittmi tagħhom.

Nittamaw li jekk il-Kummissjoni Ewropea twieġeb li mhux veru li John Dalli għandu liċenzja biex jinxtara mingħajr ma jiffaċċja konsegwenzi, l-Avukat Ġenerali twarrab u tħalli jieħu postha lil xi ħadd li jaf x’inhu jagħmel u jrid li d-dritt isaltan f’pajjiżna.