Repubblika tinnota b’rabja l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-ftehim dwar l-art tal-Fortina. Ir-rapport jikkonferma dak li l-pubbliku ilu jaf: li l-gvern ta’ Joseph Muscat xjentement immina l-proċeduri biex jgħaddi l-ġid komuni lil kapitalisti ħbieb tiegħu.
Rapport importanti ta’ stima tal-valur tal-art inħeba biex is-sidien tal-Fortina setgħu jħallsu anqas u jdaħħlu aktar flus fi bwiethom. Dan ma kienx żball. Dan kien att konxju ta’ korruzzjoni.
Mill-ġdid Keith Schembri jitfaċċa fiċ-ċentru tal-manipulazzjoni, waqt li l-Prim Ministru Robert Abela jkompli jiddefendi lil Muscat. Abela jagħmel hekk minkejja li Muscat kien qabeż direttament mill-uffiċċju tal-prim ministru għal ġo l-uffiċju tas-sidien tal-Fortina taparsi sar konsulent tagħhom. L-istess kif għamel fil-każ tal-Vitals. Hu leġittimu li wieħed jissuspetta li Muscat kien qed jiġbor il-premju għal imġieba korrotta.
Ir-rapport jikkonferma wkoll li James Piscopo, allura uffiċjal f’pożizzjoni pubblika għolja, ammetta li ta lill-Fortina informazzjoni minn ġewwa waqt li dawn kienu qed jinnegozjaw mal-gvern. Iddikjara kunflitt t’interess – la ma kellux għażla oħra – imma xejn ma żammu jisfrutta dak il-kunflitt u jitħallas minn żewġ naħat li kienu qed jinnegozjaw bejniethom. Din hi korruzzjoni fid-dawl tax-xemx, iżda Piscopo jibqa’ jgawdi l-impunità.
L-iskandlu juri wkoll il-qrubija velenuża bejn in-negozji l-kbar u l-partiti politiċi. Il-familja Zammit Tabona, sidien tal-Fortina, huma donaturi famużi tal-Partit Laburista. Din hi l-verżjoni Maltija ta’ Tangentopoli: parti mill-qliegħ kummerċjali mill-pjaċiri tal-gvern titħallas f’donazzjonijiet lill-partit. It-telliefa huma l-Maltin li jinsterqulhom ir-riżorsi u l-art pubblika, titherrilhom id-demokrazija, u ssir ħsara lill-kompetizzjoni onesta li tgħamilhom ifqar.
Il-konsegwenzi huma reali. Il-korruzzjoni f’dan il-każ baxxiet il-valur tal-lukandi fil-qrib u n-negozji fiż-żona tal-Fortina, dgħajfet il-bilanċi finanzjarji tagħhom, u qerdet il-level playing field ekonomiku. Minfuq li jbatu l-konsegwenzi tal-iżvilupp esaġerat u l-iffullar f’Tas-Sliema, dawk li jħallsu t-taxxi nġiegħluhom jissussiddjaw il-profitti tal-ftit.
Dan l-iskandlu jfakkarna fl-ispiża umana. Is-sidien tal-Fortina kienu involuti direttament fid-detenzjoni illegali tal-migranti waqt il-COVID. Fil-beraħ iddeskrivew il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema bħala “kommuniżmu”. Dawn huma n-nies li l-gvern tagħna ra kif għamel biex jgħinhom jistgħanew aktar.
Il-każ tal-Fortina mhux eċċezzjoni – hu parti minn sistema. Din hi s-sistema li biha Muscat, Schembri, Piscopo u ta’ madwarhom ħatfu l-istat biex jistgħanew huma u sħabhom. Din hi s-sistema li Robert Abela jkompli jiddefendi.
Repubblika titlob lill-pulizija u lill-Avukat Ġenerali jaġixxu mingħajr aktar dewmien. M’hemm ebda skuża kif għal darb’oħra b’wisq anqas poteri milli għandhom huma, l-Awditur Ġenerali sab il-provi li l-pulizija u l-Avukat Ġenerali għamlu snin jiskartaw.
Il-Prim Ministru għandu jieqaf jiddefendi l-indifensibbli. Malta ma tistax timxi ‘l quddiem waqt li dawk li wettqu u dawk li qed jaħbu korruzzjoni ta’ dan id-daqs u dan l-impatt jibqgħu jgawdu l-impunità.