Repubblika qed tieħu sehem fl-akbar proġett tagħha ffinanzjat mill-UE s’issa, billi tagħti kontribut ġdid għall-missjoni tagħha li żżomm lill-gvern responsabbli u ssaħħaħ l-istat tad-dritt.

Aħna waħda minn erba’ organizzazzjonijiet sħab Ewropej involuti fil-proġett ta’ sentejn u €200,000 li jesplora l-mod kif l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jsaħħu l-ħidma tal-ġurnaliżmu investigattiv.

Il-proġett, li beda f’Diċembru, jissejjaħ SINFO, qasira għal Sustainable Information. L-għan tiegħu huwa li jibni netwerk sostenibbli ta’ ġurnalisti u attivisti indipendenti lesti biex japprofondixxu l-kollaborazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fil-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali u l-protezzjoni tal-ambjent.

B’kollox 22 ġurnalist indipendenti minn Malta, u 10 organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Maltin, iffirmaw biex jiffurmaw parti min-netwerk ta’ erba’ pajjiżi u jipparteċipaw f’xi wħud mill-attivitajiet tal-proġett.

SINFO jiġbor flimkien organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-ġurnaliżmu minn erba’ pajjiżi Ewropej – Malta, l-Italja, ir-Rumanija u l-Belġju. L-imsieħba huma Repubblika (Malta), Tele Radio City (Italja), Asociatia Jurnalistilor De Investigatii Context (Rumanija) u Sustainable Communication Aisbl (Belġju).

L-imsieħba tal-proġett huma motivati mill-valuri tad-demokrazija u l-libertà tal-informazzjoni, id-drittijiet soċjali, il-governanza tajba u s-sostenibbiltà ambjentali.

Il-President tar-Repubblika Vicki Ann Cremona qalet: “Repubblika taqsam il-viżjoni tal-imsieħba tagħna f’dan il-proġett li jlaqqa’ flimkien ġurnalisti indipendenti u attivisti tas-soċjetà ċivili biex jaħdmu lejn l-għanijiet komuni tagħhom li jiġġieldu l-korruzzjoni, jiżguraw il-ġustizzja soċjali, u jissalvagwardjaw l-istat tad-dritt. SINFO hija opportunità importanti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.”

Waħda mill-attivitajiet ewlenin fil-kotra li jiffurmaw parti mis-SINFO fuq sentejn hija l-għoti ta’ taħriġ espert u mentoring kemm lill-ġurnalisti kif ukoll lill-attivisti fi ħdan in-netwerk, immirati biex itejbu l-ħiliet tagħhom ta’ rappurtar investigattiv u jgħinuhom jaħdmu flimkien b’mod aktar effettiv.

Imbagħad, wara proċess ta’ għażla, se jiġu offruti tmien għotjiet ta’ €5,000 kull waħda (żewġ għotjiet għal kull pajjiż) lill-parteċipanti biex jirriċerkaw u jippubblikaw rapport investigattiv taħt il-gwida ta’ mentors u edituri mis-SINFO.

Fost attivitajiet sinifikanti oħra hemm sensiela ta’ diskussjonijiet online għal ġurnalisti, attivisti, intellettwali u esperti Ewropej li jduru madwar il-fenomeni distruttivi ta’ narrattivi foloz, propaganda statali, diskors ta’ mibegħda u diskors anti-demokratiku.

Repubblika se tkun qed torganizza kampanja pubblika bl-isem No Democracy Without Journalism, immirata biex tippromwovi l-valur tal-ġurnaliżmu indipendenti biex tipproteġi d-drittijiet demokratiċi.

Se tipproduċi wkoll manwal diġitali għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħala gwida għall-involviment effettiv mal-midja indipendenti.

L-għan finali tal-proġett huwa li jinħoloq mudell ta’ ħidma ta’ kollaborazzjoni sostenibbli bejn attivitsti u ġurnalisti, li għandu l-għeruq tiegħu f’valuri demokratiċi, li jista’ jiġi ttrasferit għal pajjiżi u kuntesti oħra.

Żur il-websajt tal-proġett fuq sinfo-project.eu