17 ta’ Diċembru 2022

Għażiż Membru, 

F’laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Repubblika li nżammet it-Tnejn 21 ta’ Novembru 2022, kien deċiż li l-laqgħa Ġenerali Annwali tas-sena 2023 ta’ Repubblika ser issir nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Marzu 2023 u għal dan il-għan il-Kumitat appunta lis-segwenti persuni sabiex ikunu l-ħames membri tal-Kumitat tan-Nominazzjonijiet li ser jissorveljaw in-nomini u l-votazzjoni għall-Kumitat Eżekuttiv il-ġdid ta’ Repubblika u għall-karigi ta’ President u Viċi President ta’ Repubblika:

  1. Joanna Agius 
  2. Beatrice Gatt 
  3. Antonio Grech 
  4. Karen Zerafa Boffa
  5. Mario Grech

Nistiednek sabiex tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat tan-Nominazzjonijiet għal kandidati fir-rigward tas-segwenti karigi sa ħamsa w erbgħin (45) jum mil-lum: 

  1. Membri tal-Kumitat Eżekuttiv; 
  2. President tal-Kumitat Eżekuttiv; u
  3. Viċi President tal-Kumitat Eżekuttiv.

Rakkomandazzjonijiet jistgħu jsiru b’email lil repubblika.nc@nullgmail.com jew inkella bil-posta indirizzata lil “Kumitat tan-Nominazzjonijiet, Repubblika, 29, Pjazza tal-Knisja, Mqabba”. 

Is-segwenti huma r-regoli ewlenin li jirregolaw l-elezzjoni ta’ membri tal-Kumitat Eżekuttiv u tal-President u l-Viċi President ta’ Repubblika:

Disgħin (90) jum qabel il-laqgħa annwali tal-membri, il-Kumitat Eżekuttiv jappunta Kumitat tan-Nominazzjonijiet magħmul minn ħames (5) membri Attivi. L-ismijiet tal-membri tal-Kumitat tan-Nominazzjonijiet ikunu pubblikati fuq il-websajt tal-Assoċjazzjoni u mibgħuta bil-posta elettronika lill-membri, liema posta elettronika tistieden lill-membri jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-Kumitat tan-Nominazzjonijiet għall-pożizzjonijiet battala skond l-Istatut u / jew għal pożizzjoni ta’ Membru tal-Kumitat Eżekuttiv fi żmien ħamsa u erbħin (45) ġurnata.

Il-Kumitat tan-Nominazzjonijiet jippubblika l-ismijiet tal-persuni nominati għal kull pożizzjoni fuq il-websajt tal-Assoċjazzjoni.

Mhux anqas minn tletin (30) jum qabel il-laqgħa ġenerali annwali, persuni oħra jistgħu jiġu nominati b’petizzjoni ta’ mhux anqas minn għaxar (10) membri b’reputazzjoni tajba u tali nominazzjonijiet ikunu aċċettati mill-Kumitat tan-Nominazzjonijiet u mqiegħda fuq il-karta tal-vot wara jkun ippubblika l-lista sħiħa tan-nominati mhux aktar tard minn ħmistax (15)-il jum qabel il-laqgħa.

Il-votazzjoni skond proċedura stabbilita mill-Kumitat Eżekuttiv b’konsultazzjoni mal-Kumitat tan-Nominazzjonijiet tintemm mhux aktar tard minn jum (1) qabel id-data tal-Laqgħa Ġenerali Annwali.

L-Elezzjoni ssir bil-metodu ‘first past the post’ u l-votazzjoni ssir taħt is-sorveljanza tal-Kumitat tan-Nominazzjonijiet.

Il-Kumitat Eżekuttiv ikun magħmul minn mhux aktar minn tlettax (13)-il individwu u jinkludi il-President, il-Viċi President, il-President Immedjatament Preċedenti (membri ex-ufficio), Segretarju u Teżorier, b’dan illi n-numru t’individwi li jiffurmaw il-Kumitat Eżekuttiv ma jkun qatt anqas minn ħamsa (5) u fil-każ li n-nomini ma jkunux biżżejjed biex jintlaħaq dan in-numru, il-Kumitat Eżekuttiv jibda l-proċess għax-xoljiment tal-Assoċjazzjoni.

Il-Membri tal-Kumitat Eżekuttiv ikunu membri tal-Assoċjazzjoni ta’ reputazzjoni tajba.

Il-membri kollha tal-Kumitat Eżekuttiv, inkluż Il-President, il-Viċi President u l-President Immedjatament Preċedenti, idumu fil-kariga sentejn (2), sakemm il-kariga ma tintemmx qabel skond dan l-Istatut, iżda fir-rigward tal-President, il-Viċi President u l-President Immedjatament Preċedenti din id-dispożizzjoni tapplika biss b’effett mil-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-sena elfejn u tlieta u għoxrin (2023).

Fil-każ li n-numru ta’ membri tal-Kumitat Eżekuttiv jiġi anqas minn ħamsa (5), il-Kumitat tan-Nominazzjonijiet li jkun l-aħħar inħatar ifittex li jirrimedja dan in-nuqqas, u jekk dan ma jsirx fi żmien tminn (8) ġimgħat minn meta tbattlu l-karigi, il-Kumitat tan-Nominazzjonijiet jibda l-proċess ta’ xoljiment tal-Assoċjazzjoni.

Membru tal-Kumitat Eżekuttiv ikun jista’ jerġa’ jikkontesta elezzjoni għal sa żewġ (2) termini sussegwenti ta’ sentejn meta jiskadi l-ewwel terminu fil-kariga. Kull membru tal-Kumitat Eżekuttiv, inklużi il-membri ex-officio, ikollhom vot wieħed (1) fuq kull mistoqsija preżentata lill-Kumitat Eżekuttiv għal azzjoni, waqt li l-President ikollu vot oriġinali u vot deċiżiv.

Il-Kumitat Eżekuttiv jista’ jeleġġi jew jaħtar Uffiċjali minbarra l-President u l-Viċi President, inklużi Assistent Segretarju wieħed jew aktar u Assistent Teżorier wieħed jew aktar kif jidhirlu mixtieq u tali Uffiċjali jkollhom l-awtorità li jwettqu d-dmirijiet assenjati lilhom minn żmien għal żmien mill-Kumitat Eżekuttiv. Kull żewġ (2) tali karigi jew aktar jistgħu jingħataw lill-istess persuna, ħlief il-karigi ta’ President, Viċi President u Segretarju.L-Uffiċjali tal-Assoċjazzjoni, ħlief il-President u l-Viċi President, jintgħażlu kull sena mill-Kumitat Eżekuttiv minn fost il-membri tal-Kumitat fl-ewwel laqgħa wara l-laqgħa annwali tal-membri.

Nieħu din l-opportunuta’ biex ninfurmak ukoll li fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-17 ta’ Marzu 2023 il-Kumitat Eżekuttiv ser jippreżenta mozzjoni sabiex ikun emendat l-Istatut ta’ Repubblika b’tali mod illi b’effett mil-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Marzu 2023 jitneħħa l-limitu fuq in-numru ta’ termini li għalihom ikunu jistgħu jerġgħu jiġu eletti l-Membri tal-Kumitat Eżekuttiv. Barraminnhekk, il-Kumitat Eżekuttiv ser jinnomina mill-ġdid lil Dr Robert Aquilina u lil Alessandra Dee Crespo biex iservu fil-karigi ta’ President u Viċi President rispettivament sal-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Marzu 2025.

Inselli għalik,

Frank Piscopo
Segretarju Ġenerali