L-aħħar stħarriġ tal-Eurobarometer dwar il-korruzzjoni għandu jservi ta’ twissija lill-klassi politika Maltija.

L-istħarriġ juri li ċ-ċittadini Maltin huma tassew imħassba dwar il-korruzzjoni. Maġġoranza kbira ta’ dawk mistoqsija temmen li l-korruzzjoni hija mifruxa f’Malta. Kważi nofshom jemmnu li taffettwahom fil-ħajja ta’ kuljum. Erbgħa minn kull ħamsa jemmnu li każijiet ta’ korruzzjoni f’livelli għoljin ma jiġux investigati u mressqa quddiem il-ġustizzja kif jixirqilhom. Fuq kollox, ħafna jemmnu li r-rabtiet mill-qrib bejn in-negozju u l-politika jikkontribwixxu direttament għall-korruzzjoni.

Dawn ir-riżultati huma partikolarment sinifikanti għaliex ġew ippubblikati ftit jiem biss wara kampanja elettorali li fiha l-korruzzjoni bilkemm ingħatat attenzjoni. Id-dibattitu politiku ffoka fuq ħafna suġġetti importanti, iżda l-korruzzjoni u r-riformi meħtieġa biex tiġi prevenuta u miġġielda kienu assenti mill-konversazzjoni nazzjonali.

L-istħarriġ jissuġġerixxi li dan is-skiet ma jirriflettix il-fehma tal-pubbliku.

Iċ-ċittadini Maltin jassoċjaw il-korruzzjoni mal-politika, mal-istituzzjonijiet pubbliċi, mal-proċessi tax-xiri pubbliku u mad-deċiżjonijiet tal-ippjanar. Għadhom jesprimu tħassib dwar l-influwenza li jeżerċitaw fuq il-ħajja pubblika interessi privati b’saħħithom. Għadhom jiddubitaw li dawk responsabbli għal abbużi serji jiġu verament miżmuma responsabbli.

Il-korruzzjoni ma tisparixxix għax il-politiċi jieqfu jitkellmu dwarha. Għall-kuntrarju, is-skiet jirriskja li jinnormalizza mġiba li għandha tiġi kkundannata. Joħloq l-impressjoni li l-korruzzjoni m’għadhiex prijorità nazzjonali, u ma ġġorr l-ebda prezz politiku.

Ħafna minn dawk mistoqsija qalu li joqogħdu lura milli jirrapportaw il-korruzzjoni għax jibżgħu minn ritaljazzjoni jew għax jemmnu li ma jiġri xejn lil min ikun responsabbli. Kultura ta’ impunità ma tinħolqox biss permezz ta’ atti ta’ korruzzjoni. Tinħoloq ukoll meta l-korruzzjoni tiġi injorata, skużata jew meqjusa bħala xi ħaġa inevitabbli.

Dawn ir-riżultati għandhom għalhekk iwasslu għal riflessjoni serja mill-partiti politiċi kollha.

 Il-partiti politiċi ma jistgħux jinjoraw mistoqsijiet leġittimi dwar min qed jiffinanzja l-attività politika u x’influwenza jistgħu jeżerċitaw dawk li jipprovdu dawn il-fondi.

Il-partiti politiċi jiddependu għal kollox fuq finanzjament privat, filwaqt li ċ-ċittadini għandhom viżibilità limitata ħafna tal-interessi privati li jżommu ħajjin lill-partiti u l-kandidati politiċi u l-kampanji elettorali tagħhom. Dan joħloq ir-riskju li l-partiti politiċi jsibuha bi tqila jikkumbattu drawwiet ħżiena li jibbenefikaw interessi privati b’saħħithom għax ma jistgħux jgħixu mingħajr il-flus li jtuhom.

L-akbar periklu huwa l-perċezzjoni dejjem tikber li l-korruzzjoni hija ttollerata għax l-istituzzjonijiet li għandhom il-kompitu li jiġġielduha huma limitati mis-sistema stess li suppost qed jirregolaw.

Ir-riżultati tal-Eurobarometer għandhom għalhekk jinftiehmu mhux biss bħala twissija dwar il-korruzzjoni, iżda wkoll bħala twissija dwar il-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi Maltin, u saħansitra fid-demokrazija nnifisha.

Repubblika ilha għal snin twissi kontra d-djufija fid-demokrazija li ġġib magħha  nuqqas ta’ trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politici. Qabel l-elezzjoni, Repubblika ppreżentat lill-partiti politiċi programm ta’ proposti maħsub biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ Malta u jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dawn kienu jinkludu protezzjoni aktar b’saħħitha għall-whistleblowers, aktar trasparenza fl-akkwist pubbliku, regolamentazzjoni tal-lobbying u tal-influwenza fuq id-deċiżjonijiet pubbliċi, salvagwardji aktar effettivi kontra l-kunflitti ta’ interess, u infurzar aktar indipendenti u effettiv tal-liġijiet kontra l-korruzzjoni.

L-istħarriġ juri li dawn ir-riformi għadhom urġenti u meħtieġa.

Il-partiti politiċi għandhom responsabbiltà li juru permezz tal-azzjonijiet tagħhom, tat-trasparenza tagħhom u tar-riformi li huma lesti jiġġieldu l-korruzzjoni anke meta dan ikun politikament skomdu. L-alternattiva hija tnaqqis kontinwu fil-fiduċja pubblika u tkabbir fil-perċezzjoni li s-sistema mhijiex lesta tikkoreġi lilha nnifisha.

Il-messaġġ taċ-ċittadini Maltin huwa ċar. Il-korruzzjoni tibqa’ ta’ tħassib serju. Il-mexxejja politiċi għandhom d-dmir li jisimgħu.