Matul il-kampanja elettorali għadd ta’ kwistjonijiet importanti għall-pajjiż li qabel l-elezzjoni tqiesu bħala urġenti, sparixxew mid-diskussjoni pubblika. Waħda minnhom hija l-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid.
Il-ħtieġa li jinħatar Prim Imħallef ma spiċċatx għax għaddiet l-elezzjoni. Anzi, issa li għaddew il-pressjonijiet elettorali, għandna opportunità biex nindirizzaw din il-kwistjoni bis-serjetà li tixraqilha.
Repubblika temmen li d-diskussjoni pubblika għandha tiffoka fuq il-proċess u mhux fuq il-persuni.
Il-kariga ta’ Prim Imħallef mhijiex kariga politika. Il-persuna li tmexxi l-ġudikatura m’għandhiex tintgħażel permezz ta’ kompetizzjoni pubblika bejn il-partiti politiċi, u lanqas m’għandha l-ħatra tagħha ssir okkażjoni oħra għal polemika partiġġjana. L-indipendenza u l-awtorità tal-ġudikatura ma jissaħħux meta l-imħallfin jiġu diskussi bħallikieku huma kandidati politiċi.
Il-lezzjoni tal-aħħar xhur hija li s-sistema attwali tagħna mhijiex sodisfaċenti. Id-dibattitu ffoka fuq ismijiet u persuni aktar milli fuq il-prinċipji. Il-partiti politiċi argumentaw dwar kandidati possibbli filwaqt li l-aktar mistoqsija importanti twarrbet: kif għandu stat demokratiku jagħżel il-kap ta’ ġudikatura indipendenti?
Repubblika dejjem sostniet li l-ħatra ta’ Prim Imħallef għandha tkun ibbażata fuq il-mertu u għandha ssaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura. Il-ġudikatura hija fergħa separata tal-Istat. Għalhekk huwa raġonevoli li l-membri tal-ġudikatura jkollhom rwol deċiżiv fl-għażla tal-persuna li tmexxihom.
L-istituzzjonijiet Ewropej ilhom isostnu li għandu jissaħħaħ l-involviment tal-ġudikatura f’dan il-proċess. L-għan m’għandux ikun li jintlaħaq xi qbil politiku minn wara l-kwinti jew wara pantomima pubblika, iżda li l-ħatra tkun kemm jista’ jkun ħielsa mill-indħil politiku u tgawdi l-fiduċja tal-ġudikatura nnifisha.
M’hemm ebda raġuni biex din id-diskussjoni tibqa’ maqbuda f’kalkoli partiġġjani. Qabel ma Malta terġa’ tintilef fi spekulazzjonijiet dwar ismijiet individwali, għandna nagħmlu diskussjoni matura dwar il-prinċipji li għandhom jirregolaw il-ħatra ta’ Prim Imħallef.
Il-mistoqsija mhijiex min għandu jinħatar Prim Imħallef. Il-mistoqsija hija kif Malta tista’ tiżgura li l-ħatra ta’ Prim Imħallef tista’ ssaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura, tqawwi l-fiduċja pubblika fil-qrati, u tiggarantixxi aħjar is-separazzjoni tal-poteri li fuqha tiddependi d-demokrazija tagħna.