STQARRIJA KONĠUNTA

Illum rappreżentanti ta’ aditus, Daphne Caruana Galizia Foundation, u Repubblika ltaqgħu mal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa bħala parti mill-konsultazzjoni tagħha dwar l-abbozz ta’ emendi għall-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva ppreżentat mill-Gvern Malti.

Il-konsultazzjoni saret wara li l-Kummissjoni ta’ Venezja, fl-opinjoni tagħha tal-2018 dwar il-qafas kostituzzjonali Malti, kienet identifikat it-tribunali amministrattivi bħala qasam li kien jeħtieġ garanziji aktar b’saħħithom ta’ indipendenza mill-eżekuttiv. Dak iż-żmien il-Kummissjoni osservat li numru ta’ tribunali li jiddeċiedu dwar id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini ma kinux igawdu l-istess protezzjonijiet ta’ indipendenza li japplikaw għall-qrati.

Dan it-tħassib ttenna wkoll mill-Kummissjoni Ewropea fir-rapporti annwali kollha dwar l-Istat tad-Dritt mill-2020 sal-lum u r-riforma tas-sistema tat-tribunali saret mira ewlenija li teħtieġ li tintlaħaq għall-ħruġ ta’ fondi taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF).

Fl-2025 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu, f’J.B & Others v Malta, imponiet miżuri ġenerali fuq il-gvern Malti biex jgħaddi leġiżlazzjoni li tassigura l-indipendenza u l-imparzjalità tat-tribunali.

L-għaqdiet jilqgħu il-fatt li l-Gvern wara tmien snin ta’ stennija, fl-aħħar qed jipprova jindirizza dan is-suġġett. L-abbozz jipproponi sistema aktar uniformi għall-ħatriet, id-dixxiplina u l-etika tal-membri tat-tribunali amministrattivi u jinkludi diversi elementi pożittivi, fosthom sejħiet pubbliċi għall-applikazzjonijiet, kriterji ta’ valutazzjoni aktar ċari u protezzjonijiet aħjar kontra t-tneħħija arbitrarja mill-kariga.

Madankollu l-għaqdiet spjegaw li l-problema ewlenija tal-abbozz mhijiex in-nuqqas ta’ riforma iżda l-mudell istituzzjonali magħżul għaliha.

L-għaqdiet sostnew li, filwaqt li wara l-opinjoni tal-2018 Malta saħħet il-garanziji kostituzzjonali għall-indipendenza tal-ġudikatura permezz ta’ riformi fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u fil-proċessi tal-ħatra u dixxiplina tal-imħallfin, l-abbozz preżenti joħloq sistema separata għat-tribunali amministrattivi li tibqa’ marbuta mill-qrib mal-eżekuttiv.

Fost il-punti prinċipali mqajma kien hemm il-fatt li l-kummissjoni l-ġdida responsabbli mill-ħatriet u d-dixxiplina tkun magħmula minn maġġoranza ta’ Segretarji Permanenti. L-għaqdiet osservaw li dawn huma uffiċjali li jagħmlu parti mill-istruttura eżekuttiva tal-Istat u li ħafna drabi jmexxu dipartimenti jew ministeri li d-deċiżjonijiet tagħhom stess jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem it-tribunali.

L-għaqdiet qajmu wkoll tħassib dwar il-fatt li s-Segretarju tal-kummissjoni jkun maħtur direttament mill-Ministru u dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ġudizzjarja fil-proċess tal-ħatriet.

L-għaqdiet argumentaw li kien ikun aktar koerenti mal-ispirtu tar-riformi kostituzzjonali ta’ wara l-2018 li r-responsabbiltà għall-ħatriet, l-etika u d-dixxiplina tal-membri tat-tribunali tkun fdata lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja jew lil struttura speċjalizzata li topera fi ħdanha.

Matul il-laqgħa l-għaqdiet qajmu wkoll il-kwistjoni tal-użu estensiv ta’ mħallfin u maġistrati rtirati għal karigi amministrattivi maħtura permezz ta’ proċessi li jibqgħu influwenzati mill-eżekuttiv, kif ukoll il-kunflitti strutturali li jistgħu jinqalgħu meta avukati fil-prattika privata jservu bħala membri ta’ tribunali.

L-għaqdiet osservaw ukoll li l-abbozz ġie ppubblikat mill-Kummissjoni ta’ Venezja fid-19 ta’ Ġunju u l-organizzazzjonijiet mistiedna ntalbu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom sal-24 ta’ Ġunju. L-għaqdiet ma jafux li saret xi konsultazzjoni pubblika preċedenti dwar dawn il-proposti u ma kellhom ebda opportunità jiddiskutuhom mal-Ministru responsabbli qabel ma ntalbu jagħtu l-fehmiet tagħhom.

Biex tikkontribwixxi għad-dibattitu pubbliku, Repubblika qed tippubblika fuq il-websajt tagħha dokument ta’ diskussjoni li janalizza fid-dettall il-proposti tal-Gvern fid-dawl tal-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-2018, tar-riformi kostituzzjonali li segwewha, u ta’ standards Ewropej dwar l-indipendenza tal-organi li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ ġudikatura.

aditus, Daphne Caruana Galizia Foundation, u Repubblika jibqgħu tal-fehma li r-riforma tat-tribunali amministrattivi hija meħtieġa. Madankollu, biex tintlaħaq il-fiduċja pubblika meħtieġa, ir-riforma għandha tnaqqas l-influwenza tal-eżekuttiv fuq il-ħatriet u t-tmexxija tat-tribunali u tibni fuq il-garanziji kostituzzjonali ta’ indipendenza li Malta stess adottat wara l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-2018.