Nhar il-25 ta’ Ġunju 2026, rappreżentanti tal-aditus Foundation, ta’ Repubblika u tad-Daphne Caruana Galizia Foundation iltaqgħu mal-Kummissarju Michael McGrath biex jiddiskutu għadd ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ġustizzja, il-libertà tal-midja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u s-saltna tad-dritt f’Malta.

Laqgħat bħal dawn huma opportunità importanti biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġbdu l-attenzjoni lejn tħassib dwar il-mod kif qed jiffunzjonaw l-istituzzjonijiet demokratiċi u dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew.

Parti sostanzjali mid-diskussjoni ffukat fuq l-istat tas-sistema tal-ġustizzja f’Malta. Qajjimna tħassib dwar sistema li tibqa’ għalja u li timxi bil-mod iżżejjed għall-vittmi u għall-familji tagħhom, minkejja wegħdiet ripetuti ta’ riforma. Irrimarkajna wkoll in-nuqqas persistenti ta’ diġitalizzazzjoni fil-qrati, minkejja finanzjament tal-Unjoni Ewropea maħsub proprju biex itejjeb l-effiċjenza tas-sistema tal-ġustizzja tagħna. Esprimejna wkoll tħassib dwar id-diffikultà biex tinkiseb informazzjoni dwar il-proċedimenti fil-qrati kriminali f’Malta, li tagħmilha diffiċli li jiġi evalwat il-progress u identifikati n-nuqqasijiet li għadhom jippersistu. F’dan il-kuntest appellajna biex id-data dwar il-kawżi kriminali tkun inkluża fl-EU Justice Scoreboard sabiex ikun hemm aktar trasparenza u monitoraġġ aktar effettiv tal-prestazzjoni tal-qrati Maltin.

Iddiskutejna wkoll l-importanza li tiġi mħarsa l-indipendenza tal-ġudikatura, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħatra tal-Prim Imħallef. Sħaqna li din il-ħatra għandha tkun deċiża mill-membri tal-ġudikatura u mhux mill-politiċi, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja pubblika fl-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati. Barra minhekk, iddiskutejna l-abbozz ta’ liġi dwar il-ħatra tal-membri tat-tribunali amministrattivi u l-opportunità mitlufa biex tissaħħaħ b’mod serju l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dawn it-tribunali u tinbena sistema ta’ tribunali li tassew tirrispetta s-saltna tad-dritt.

L-organizzazzjonijiet qajjmu wkoll tħassib dwar in-nuqqas tal-Gvern Malti li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Kważi ħames snin wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Inkjesta, ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tagħha għadhom jew implimentati biss parzjalment jew inkella għadhom ma ġewx implimentati, u dan jirrifletti nuqqas persistenti ta’ rieda politika biex jiġu indirizzati l-fallimenti sistemiċi identifikati mill-Bord tal-Inkjesta. Sħaqna li l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet hija essenzjali biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt, tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jiġu protetti l-ġurnalisti f’Malta.

Qajjimna mal-Kummissarju McGrath it-tħassib tagħna dwar id-dgħufija dejjem tikber fil-qafas Malti għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fosthom it-tneħħija tad-dritt ta’ petizzjoni individwali quddiem il-qorti kriminali biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali, it-twaqqif ta’ prosekuzzjonijiet kriminali għal ħasil tal-flus fuq il-bażi ta’ ftehimiet tat-taxxa magħmula wara l-kwinti, u d-dgħufija fil-miżuri ta’ ffriżar tal-assi f’każijiet ta’ ħasil tal-flus. Spjegajna li dawn il-miżuri jkomplu jaggravaw il-falliment li ilu jikkaratterizza lil Malta biex tikseb kundanni f’każijiet serji ta’ korruzzjoni li jinvolvu persuni ta’ profil għoli.

Qajjimna wkoll it-tħassib tagħna dwar in-nuqqas kważi totali ta’ kuntatt bejn l-awtoritajiet Maltin u s-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fid-dawl tar-rakkomandazzjoni pendenti tal-Kummissjoni Ewropea biex titjieb il-parteċipazzjoni pubblika fit-tfassil tal-liġijiet f’Malta. Il-Kummissjoni assiguratna li għaddiet lill-awtoritajiet Maltin ix-xewqa tagħna li nkunu kkonsultati dwar il-liġi l-ġdida li tirregola l-għaqdiet volontarji u dwar il-liġi li se twaqqaf Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Kummissarju McGrath assigurana wkoll li se jwassal lill-awtoritajiet Maltin ix-xewqa tagħna li nidħlu fi djalogu magħhom dwar kwistjonijiet relatati mas-saltna tad-dritt fl-interess pubbliku.

Nirringrazzjaw lill-Kummissarju McGrath tal-opportunità li niskambjaw fehmiet dwar dawn il-kwistjonijiet importanti u nittamaw li naraw ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jitwasslu f’azzjoni konkreta mill-Gvern Malti.