Repubblika tieħu nota tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li laqgħet l-appell tal-gvern u l-aġenziji li jikkontrolla fil-kawża mressqa minn grupp ta’ konsumaturi tad-dawl u l-ilma, u organizzata minn Repubblika, dwar il-konsegwenzi tal-korruzzjoni fil-ftehim tal-Electrogas.
F’dik il-kawża ridna nargumentaw li l-konsumaturi tal-elettriku sofrew il-konsegwenzi tal-korruzzjoni fil-każ tal-Electrogas u għandhom jiġu kkumpensati. Minkejja li l-kawża ilha għaddejja ħames snin, il-Qrati qatt ma waslu biex jeżaminaw il-mertu tal-allegazzjonijiet dwar il-korruzzjoni u l-proċedimenti ffokaw esklussivament fuq kwistjonijiet preliminari u proċedurali.
Aħna ddiżappuntati bid-deċiżjoni tal-Qorti llum. Madankollu, dejjem konna nafu li din kienet kawża diffiċli u innovattiva. Il-mistoqsija li ridna nressqu quddiem il-Qrati kienet jekk iċ-ċittadini ordinarji li jġorru l-piż finanzjarju tal-korruzzjoni għandhomx jitqiesu bħala vittmi tagħha u jekk għandhomx ikollhom dritt għal rimedju.
Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li ma għandniex l-interess ġuridiku meħtieġ biex inressqu din il-kawża. Ma ddeċidietx jekk il-ftehim tal-Electrogas kienx korrott jew le, u lanqas jekk il-konsumaturi ġarrbux dannu minħabba l-konsegwenzi tiegħu. Għalhekk ħadd m’għandu jippreżenta din is-sentenza bħala eżonerazzjoni ta’ dawk involuti fil-korruzzjoni tal-Electrogas. Kull min jagħmel dan ikun qed jgħawweġ il-fatti.
Din is-sentenza tenfasizza problema li Repubblika ilha tindika għal snin sħaħ. Il-korruzzjoni kbira ħafna drabi tagħmel ħsara mifruxa fuq eluf ta’ persuni, iżda l-liġi tagħna ssibha diffiċli biex tagħrafhom bħala vittmi u tagħtihom vuċi effettiva fil-proċess ġudizzjarju. Il-konsegwenza hija li ħafna drabi dawk li jbatu l-effetti tal-korruzzjoni jispiċċaw mingħajr rimedju, mhux għax il-korruzzjoni ma tkunx seħħet, iżda għax ma jkunux jistgħu jegħlbu l-ostakli proċedurali biex il-każ tagħhom jinstema’.
Għalhekk Repubblika tibqa’ tinsisti li Malta teħtieġ riformi legali biex il-vittmi tal-korruzzjoni jkunu jistgħu jitolbu rimedju u kumpens effettiv. Il-liġi għandha tagħraf aħjar il-ħsara kollettiva li tikkawża l-korruzzjoni u tagħti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili l-possibbiltà li jirrappreżentaw l-interessi tal-vittmi meta dawn ikunu mifruxa fuq il-popolazzjoni.
Il-korruzzjoni fil-privatizzazzjoni tal-isptarijiet, fil-bejgħ tal-passaporti, fil-ftehim tal-Electrogas u fi skandli oħra ta’ Gran Korruzzjoni ħalliet konsegwenzi reali fuq iċ-ċittadini u fuq il-ġid komuni. Dawk il-konsegwenzi ma jisparixxux sempliċement għax il-liġi attwali ssib diffikultà biex tagħraf lill-vittmi tagħhom.
Repubblika se tkompli tuża kull mezz demokratiku, ċiviku u legali disponibbli biex tippromwovi l-kontabilità, tħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu passi effettivi kontra l-korruzzjoni, u taħdem sabiex il-vittmi tagħha jingħataw il-protezzjoni u r-rimedji li jistħoqqilhom. Fl-aħħar nett, Repubblika tirringrazzja lill-avukati Edward Debono u Jason Azzopardi għall-ħidma tagħhom tul dawn is-snin kollha ta’ proċedimenti.