Persuna mfittxija mill-awtoritajiet Taljani fuq allegat involviment fi traffiku tad-droga mill-‘Ndrangheta, illum ingħatat refuġju mill-Avukat Ġenerali ta’ Malta li ħalliet il-Qorti Maltija mingħajr il-karti meħtieġa biex tordna l-estradizzjoni tiegħu.

Anke l-aktar kritika ġeneruża issa waqqfet issejjaħ dawn l-inċidenti ta’ kuljum fil-Qorti bħala żbalji. Żball hu xi ħaġa li tiġri eċċezzjonalment. Minflok, il-protezzjoni tal-kriminali minn dawk li f’Malta u barra minnha jissograw tant biex jinforzaw il-liġi sar, milli jidher, il-mistier tal-prosekutur ewlieni tar-Repubblika ta’ Malta.

Intennu li Victoria Buttigieg għandha tirriżenja minnufih mill-anqas waqt li titlob skuża għall-inkompetenza tagħha. Jekk tibqa’ fejn hi, Victoria Buttigieg trid titwaqqaf milli żżomm f’idejha l-istituzzjoni li suppost għandha d-dmir tmexxi l-ġlieda kontra l-kriminalità u minflok qed tużha biex tiggarantixxi l-impunità.

Il-Parlament biss – bid-Deputati taż-żewġ naħat – għandu l-awtorità u allura d-dmir li jneħħiha. Ma nafux x’evidenza aktar għandhom bżonn biex jiċċaqalqu. Neħħuha qabel tillibera kull kriminal li ssir taf bih.