Wara rapport li ressqet Repubblika, Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika illum li sab 18-il ministru tal-gvern ħatja ta’ ksur tal-kodiċi tal-etika meta bejniethom nefqu kważi €17,000 fi flus pubbliċi biex isiru riklami propagandistiċi fuq il-gazzetta tal-Partit Laburista.

Il-fatt li l-Kummissarju tana raġun hu ta’ sodisfazzjon għalina u jinkoraġġina niqbgħu naħdmu bħala ċittadini għassiesa tas-saltna tad-dritt u tal-imġieba fil-ħajja pubblika.

Mal-kunsiderazzjonijiet li għamel il-Kummissarju, inżidu tlett kunsiderazzjonijiet oħra li naħsbu huma importanti:

  1. Meta l-Kummissarju, fuq rapport ieħor ta’ Repubblika, sab lil Carmelo Abela ħati li nefaq flus pubbliċi fi propaganda personali, Edward Zammit Lewis (membru allura fil-Kumitat dwar l-Istandards) iddefendih għax qal li ma kienx hemm gwida miktuba dwar x’m’għandux jirreklama Ministru. Wara dan, il-linji gwida nkitbu u ntbagħtu lil kulħadd. Minkejja dan Edward Zammit Lewis innifsu kisirhom bl-aktar mod grossolan minn fost il-Ministri kollha. Il-Kummissarju għall-Istandards illum issottolinea l-aggravju fl-imġiega ta’ Edward Zammit Lewis b’mod partikolari. Tassew li dan il-politiku hu ipokrita u bniedem li ma jafx x’inhi mistħija.
  2. Hi barra l-kompetenza tal-Kummissarju li jeżamina l-impatt tal-aġir tal-gvern fuq il-libertà tal-espressjoni u allura nagħmlu l-eżami aħna tal-impatt ta’ dan il-każ. F’dan il-każ ġie kkonfermat li l-Ministri qed jonfqu flus pubbliċi f’riklami mingħajr kunsiderazzjoni ta’ kriterji oġġettivi. Minflok jonfqu l-flus pubbliċi ma’ min jidhrilhom u fejn jidhrilhom. Dan ifisser li l-gvern qed jagħti flus pubbliċi lill-media li tappoġġjah u konsegwentement qed jikkastiga lill-media li tikkritikah billi ma jonfoqx flus magħhom. Dan hu attakk fuq il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni. Kif għamilna qabel, intennu li l-infieq tal-gvern fir-reklamar għandu jsir b’mod trasparenti u skont kriterji oġġettivi u magħrufa pubblikament u allura sindakabbli u mhux kif jiġri illum kif jgħidu l-prinċpijiet fdati bi flusna.
  3. Dan aktarx hu wieħed mill-aħħar rapporti ta’ Dott. George Hyzler f’din il-kariga. Waqt li nifirħu lilu għall-ħatra l-ġdida tiegħu, irridu ngħidu li Dott. Hyzler kien wieħed mill-ftit uffiċjali tal-istat li aġixxa b’mod oġġettiv fuq imġieba ħażina tal-gvern u l-ministri tiegħu. Imħassbin li l-gvern se jkollu kull inċentiv li wara li jitlaq Dott. Hyzler, postu jitħalla battal jew agħar minhekk jimtela’ minn xi ħadd li jkun jippreferi jilgħaq lill-gvern flok jagħmel xogħolu sew. L-uffiċju tal-Kummissarju għall-Istandards u alleat importanti ta’ kull ċittadin li jrid li pajjiżna jitmexxa sew. Il-gvern m’għandu jagħmel xejn biex jimmina dan l-uffiċju.