Nistennew li l-Pulizija jieqfu jippruvaw igħattu għall-Gvern. 

Repubblika tinsisti li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jara li ssir investigazzjoni konġunta bejn il-Europol u l-Pulizija ta’ Malta biex ikunu investigati l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-korruzzjoni marbuta magħha.

L-istqarrija li l-Pulizija ħarġet dalgħodu tikkonferma li ma hemmx investigazzjoni konġunta.  Li hemm biss hija assistenza li tiddependi esklussivament minn kemm titlob għajnuna il-Pulizija Maltija.

Dan il-fatt irid ikun kunsidrat fil-kuntest li aktar ma igħaddi ż-żmien, aktar qed joħroġ biċ-ċar li hemm numru ta’ uffiċċjali għolja tal-Pulizija li huma kompromessi.  Bħalissa, il-Europol ma jistgħu jagħmlu xejn iżjed minn dak li jkunu jridu l-Pulizija u bħalissa hemm uffiċjali tal-Pulizija li aħna ma nafdawx.

Għalhekk aħna rridu li ssir investigazzjoni kunġunta skont l-artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (29 ta’ Mejju 2000) u skont il-Framework Decision tal-Kunsill dwar Mudell ta’ Ftehim dwar għat-Twaqqif ta’ Skwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta (2017/C 18/01).

Infakkru wkoll li sena u xahrejn ilu (2 ta’ April 2019), meta l-Ministru tal-Pulizija Michael Farrugia (Risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 9772) kien mitlub li jwaqqaf investigazzjoni konġunta biex tinvestiga lil 17 Black, ir-risposta xotta tal-ministru kienet li din il-każ kien suġġett għall-inkjesta maġisterjali.  

Għalfejn kellhom igħaddu 14-il xahar biex insiru nafu b’dan il-ħmieg? Għalfejn kellhom ikunu l-ġurnalisti li jikxfu dan il-każ u mhux l-inkjesta maġisterjali u lanqas l-investigazzjoni tal-Pulizija?

Neżiġu li l-Prim Ministru Dr Robert Abela biex ma jsirx kompliċi fil-korruzzjoni ta’ sħabu.