KONKLUŻJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI TAL-QEĠ FIL-KAŻ DWAR IL-ĦATRA TAL-IMĦALLFIN

Repubblika tinnota l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża tagħna dwar l-indipendenza tal-ġudikatura. L-Avukat Ġenerali ikkonkluda li l-metodu ta’ ħatra tal-imħallfin li kien jeżisti f’Malta meta saret il-kawża ma kienx neċessarjament jikser it-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għalkemm id-deċiżjoni aħħarija dwar dan għandha titħalla f’idejn il-Qorti Maltija.

Repubblika tqis li din l-Opinjoni tmur lura fuq ġuriprudenza diġà stabbilita mill-Qorti Ewropea dwar l-indipendenza tal-ġudikatura. Repubblika tittama li d-deċiżjoni aħħarija tal-Qorti Ewropea – li mistennija fi ftit xhur oħra – timxi fuq l-istess passi ta’ sentenzi preċedenti. 

Repubblika issa se tistenna d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li mbagħad tiġi segwita bid-deċiżjoni finali tal-Qorti f’Malta. Repubblika tittama li l-Qorti Ewropea tagħti l-istess piż lis-sitwazzjoni f’Malta bħalma diġàtat lis-sitwazzjoni fil-Polonja. 

Repubblka hija diġà sodisfatta ferm li din il-kawża laħqet l-għan tagħha: għaliex xprunat riforma radikali fil-ħatra tal-ġudikatura f’Malta li twettqet is-sajf li għadda. Din ir-riforma neħħiet – darba għal dejjem – id-diskrezzjoni tal-Prim Ministru li jaħtar il-membri tal-ġudikatura. Dak li riedet Repubblika inkiseb. 

Repubblika ġġedded l-impenn tagħha favur it-tisħiħ tad-demokrazija tagħna u tal-indipendenza tal-istituzzjonijiet li jmexxuha.