Liġi ġdida biex tipproteġi lill-Whistleblowers

Repubblika tinnota rimarki li għamel il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis illum dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni. (Whistleblowers Directive).

Nilqgħu b’sodisfazzjon li fl-aħħar dan il-proċess beda. Il-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bdew qabilna jew saħansitra temmew il-proċess biex il-liġijiet tagħhom jipproteġu lil min jirraporta xi ksur tal-liġi Ewropea. Diżappuntati li l-gvern dam daqshekk biex beda dan il-proċess u li skont il-Ministru, se jġebbed sal-aħħar ġurnata possibbli – Diċembru 2021 – biex idaħħal dawn il-miżuri ta’ protezzjoni tant importanti.

Il-whistleblowers f’Malta huma mhedda u intimidati b’mod sistematiku u dan it-tibdil fil-liġi hu meħtieġ biex jipproteġi lil ċittadini privati li jgħinu biex f’Malta jsaltan id-dritt.

Nesiġu li kemm jista’ jkun malajr il-gvern jippubblika abbozz ta’ liġi biex jagħmel it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva biex jagħti ċans lis-soċjetà ċivili, kif ukoll lil min iħaddem li hu partikolarment effettwat minn dawn ir-regoli l-ġodda, biex jipparteċipaw f’konsultazzjoni serja dwar dan it-tibdil.

Repubblika hi impenjata li tipparteċipa f’dan il-proċess ta’ tibdli biex jieqaf darba għal dejjem l-abbuż sistematiku u t-theddid lil whistleblowers jew xhieda potenzjali li llum jibqgħu siekta għax il-gvern iċaħħadhom mill-protezzjoni li għandhom dritt għaliha jekk jitkellmu.