Ramona Attard ma tistax tibqa’ fuq it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar.
Filwaqt li tifraħ lil Dr Ramona Attard għal ħatra tagħha bħala President tal-Partit Laburista, Repubblika tqis li t-tmexxija tajba u l-ġustizzja issa jiddettaw li minħabba il-kariga ġdida ta’ Dr Attard, il-pożizzjoni tagħha fuq it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar m’għadhiex aktar tenibbli, u għalhekk, għandha tirreżenja minn dan it-tribunal minnufih.
Infakkru li dan it-Tribunal huwa korp kważi-ġudizzjarju li suppost ikun indipendenti mill-Gvern u mhux għodda tiegħu.
Aħna konna diġà ikkritikajna l-ħatra ta’ Dr Attard fuq dan it-Tribunal li sar ftit jiem wara r-riżenja ta’ Joseph Muscat; hija kienet konsulenta ta’ Dr Muscat fuq ‘position of trust’. Konna għidna li mhux sewwa li l-ħatriet isiru a bażi tal-lealtà politika.
Il-Prim Ministru Robert Abela għandu l-obbligu li jiżgura li l-ġustizzja issir u tidher li qed issir, u b’hekk jara li Dr Attard titneħħa minn fuq il-bord.