BL-ABBOZZI TA’ LIĠI DWAR IR-RIFORMA ĠUDIZZJARJA, IL-GVERN JIBQA’ JŻOMM IL-KONTROLL U D-DEMOKRAZIJA TIĠI MHEDDHA

Il-gvern ippubblika serje ta’ abbozzi ta’ liġi[1] li skond dak li ddikjara, irid jgħaġġel jgħaddi mill-Parlament qabel il-waqfien tas-sajf biex jimplimenta parti mill-miżuri rikjesti mill-Kummissjoni ta’ Venezja fir-rapport tagħha ta’ Diċembru 2018.

Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, l-abbozzi ta’ liġi proposti mill-gvern jidhru li dan qiegħed iwettaq l-impenn li ħa mal-Kummissjoni ta’ Venezja li jnaqqas il-kontroll tal-gvern fuq il-kumitat għall-ħatriet ġudizzjarji li jagħżel il-kandidati biex jimlew il-postijiet vaganti ta’ magistrati jew imħallfin.

Ukoll ma l-ewwel daqqa t’għajn, wieħed jieħu l-impressjoni li l-gvern irtira l-poter tiegħu li jiddeċiedi hu min għandhom ikunu l-kandidati finali li għandhom jiġu ppreżentati mill-kumitat ġudizzjarju, li joffri lill-President l-għażla bejn tlett kandidati li ġew magħżula mill-kumitat.

Fir-reazzjoni tagħna dwar il-proposti tal-gvern, f’ittra li ktibna lill-Kummissjoni ta’ Venezja aktar kmieni fl-2020, aħna staqsejna għalfejn il-gvern ma riedx jħalli l-aħħar lill-kumitat ta’ ħatriet ġudizzjarji, iżda din il-għażla pprefera jgħaddiha lill-President.

Aħna indikajna li l-President huwa magħżul mill-gvern, jiġifieri effettivament, huwa estensjoni tar-rieda tal-gvern. Il-gvern assigura lill-Kummissjoni li kien se jbiddel il-mod kif jiġi elett il-President biex jaċċerta li l-gvern jitlef il-kontroll ta’ din l-għażla.

L-abbozzi ta’ liġi ppublikati mill-gvern jiżvelaw l-intenzjoni għerrieqa tal-gvern. Il-gvern qiegħed jipproponi proċedura li skondha -kandidat tagħha għall-presidenza jiġi ivvutat darbtejn bit-tama li jilħaq maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-parlament. Jekk il-kandidat ma jiġix elett f’dawn iż-żewġ votazzjonijiet, il-gvern imbagħad jista’ jipproċedi biex jagħżel il-kandidat tiegħu.

Din hija daħqa fil-wiċċ. Biex nagħtu eżempju u bi skop purament illustrativ, Robert Abela jista’ jiddeċiedi li jagħżel lil Glenn Bedingfield bħala President. L-Oppożsizzjoni jkollha żewġ possibilitajiet biex taqbel u tagħti l-appoġġ tagħha lil din l-għażla. Jekk l-Oppożizzjoni ma taqbilx, il-Prim Ministru jista’ xorta jaħtar lil Bedingfield bħala President ta’ Malta.

B’ebda mod ma jista’ jingħad li dan il-metodu ta’ ‘riforma’ jtejjeb is-sitwazzjoni fil-preżent, jew li din il-proċedura tnaqqas b’xi mod l-awtorità tal-gvern li jagħżel waħdu min għandu jkun il-President, jew li jigarantixxi l-indipendenza tal-Presidenza mill-gvern tal-ġurnata. Din ma kienetx problema gravi sakemm il-President kellu rwol biss ċerimonjali. Imma issa li l-gvern qiegħed jipproponi li jagħti poteri eżekuttivi u awtorita’ awtonoma lill-President, speċifikament biex din l-awtorità ineħħija minn taħt l-idejn tal-gvern tal-ġurnata, il-mod ta’ kif jiġi maħtur il-President jakkwista importanza kbira fuq livell nazzjonali.

Minkejja hekk, ma kien hemm l-ebda diskussjoni jew konsultazzjoni pubblika dwar din il-materja daqshekk importanti.

Din il-miżura li taparsi timmira lejn kunsens kostituzzjonali qegħda wkoll tiġi applikata għall-proċedura tal-għażla tal-Prim Imhallef. Din hija ukoll serja għaliex il-Prim Imħallef jippresjedi -kumitat tal-ħatriet ġudizzjarji u jekk il-għażla tal-Prim Imħallef tiġi  magħmula mill-poter effettivament esklussiv tal-gvern, dan huwa mod kif il-gvern jista’ jeżerċita l-influwenza tiegħu wkoll fuq il-kumitat tal-ħatriet ġudizzjarji.

Il-fatt huwa li kieku kien hemm xi forma ta’ konsultazzjoni pubblika, Repubblika u għaqdiet oħra tas-soċjetà ċivili kien ikollhom l-opportunità li jipproponu metodi alternattivi ta’ kif jistgħu jsiru l-ħatriet tal-President u tal-Prim Imħallef li kienu jilħqu l-għan li jassiguraw li dawn ikunu awtonomi mill-gvern tal-ġurnata u joffru soluzzjonijiet prattiċi u fattibli li jistgħu jipprevjenu jew jsolvu imblokki. Malta mhijiex l-unika demokrazija fid-dinja u mudelli oħra setgħu ikunu utli, kieku ġew meqjusa.

Fuq il-mod ta’ kif jintgħażel il-President, partikolarment jekk il-gvern għandu l-intenzjoni li jgħaddi aktar poteri lil din il-kariga, Malta tista’ tħares lejn mudelli ta’ l-għażla ta’ Presidenti mhux eżekuttivi f’pajjiżi oħra. Skond il-livell ta’ awtorità li qegħda tiġi kkunsidrata, waħda minn dawn l-għażliet tista’ tkun dik ta’ suffraġju universali dirett. Metodu ieħor jista’ jkun dak ta’ ħatra ta’ kulleġġ elettorali li huwa miftuħ mhux biss għal membri tal-parlament, iżda jinkludi wkoll sindki u kunsilliera lokali u, jekk u meta din l-entità tiġi ffurmata, membri mill-Kunsill tal-Istat.

Dwar il-mod kif jintgħażel il-President jirrikjedi dibattitu nazzjonali ġenwin u għandu jiġu meqjuż fil-kuntest tar-riformi kollha l-oħra li qegħdin jiġu ikkunsidrati għall-kostituzzjoni tagħna.

Bl-istess mod, il-Prim Imħallef jista’ jiġi elett direttament mill-fergħa ta’ gvern li taqa’ taħt it-tmexxija tiegħu ladarba jiġi maħtur: il-ġudikatura. Ma naraw l-ebda raġuni għalfejn il-kumitat ta’ għażla tal-ġudikatura m’għandux għalfejn din l-għażla ma jagħmilhiex hu, għalkemm jista’ jkun hemm l-alternattiva ta’ elezzjoni li ssir bejn l-imħallfin u l-maġistrati.

Ma naqblux li l-parlament għandu jkollu xi rwol fl-għażla tal-Prim Imħallef. Kull ma se tagħmel Il-proposta tal-gvern huwa li ddaħħal l-indħil politiku fuq l-indipendenza ġudizzjarja fil-kostituzzjoni. Għalkemm il-kunsens bejn il-partiti politiċi m’huwiex garanzija ta’ indipendenza ġudizzjarja, tista’ tirriduċi il-ħatra tal-Prim Imħallef għal ftehim minn taħt bejn il-mexxejja taż-żewġ partiti ewlenin.

Għalhekk aħna inkwetati dwar l-għaġġla, in-nuqqas ta’ konsultazzjoni u n-nuqqas ta’ għarfien espert fit-tfassil ta’ dawn l-abbozzi li se jagħti lok għal-biċċa xogħol oħra mfattra u magħmula ħażin. Id-demokrazija tagħna mhux se tmur għall-aħjar b’dawn il-bidliet. Għall-kuntrarju, qegħdin nintroduċu periklu ġodda.

Jekk jingħataw poteri ġodda lill-President, jinżamm il-kontroll tal-gvern fuq l-għażla ta’ min jokkupa din il-kariga u ma jsir xejn biex tkun assigurata l-kontabbilità ta’ uffiċċju eżekuttiv ġdid li issa jgħaddi minn sempliċi rwol ċerimonjali għal poter fuq min ikollu rwol ta’ ġudizzju fuq iċ-ċittadini, id-demokrazija tagħna tkun qegħda f’riskji akbar minn dawk li qegħda fihom preżentement.

Ninnutaw li l-gvern injora l-istedina tal-Kummissjoni Venezja li dawn l-abbozzi ta’ liġi jingħataw lilha qabel ma jiġu ippubblikati. Il-gvern qiegħed imur kontra l-wegħdiet tiegħu stess li jsejjaħ Konvenzjoni Kostituzzjonali qabel ma jagħmel bidliet vitali fil-mod kif jitmexxa l-pajjiż. U issa b’dieqa nistennew li l-President jaqbel ma’ liġi li tagħtih poteri ġodda, mingħajr ma jonora l-wegħda li għamel lill-poplu li jorganizza Konvenzjoni Kostituzzjonali fejn opinjonijiet barra mill-Parlament ikunu mismgħuha u ikkonsidrati b’mod xieraq.

Il-Parlament biss jista’ jwaqqaf dawn il-bidliet kostituzzjonali qabel ma jiġu attwati u aħna nħeġġu lill-Membri Parlamentari biex jagħmlu mod li l-gvern jmur lura għall-punt tat-tluq u jinsistu li jkun hemm konsultazzjoni xierqa qabel ma jiġu implimentati miżuri importanti bħal dawn.

Se ninfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissjoni Venezja u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa b’dak kollu li qiegħed jinkwetana.


[1] Abbozzi 140, 141 u 142