Repubblika tinnota li l-Parlament għandu quddiemu proposta tal-Oppożizzjoni biex tittejjeb l-istruttura ta’ kif jiġu trattati rapporti tal-Kummissarju għall-Istandards li jsibu li Deputat Parlamentari aġixxa b’mod li mhux etiku.

Il-proposti jindirizzaw uħud mid-diffikultajiet serji tas-sistema preżenti li rendew dan il-proċess ineffettiv.

Ninnutaw li hu propost li l-Ispeaker ma jibqax jippresiedi dan il-Kumitat. Dan hu tajjeb għax ir-rwol tal-Ispeaker għandu jkun li jħares l-interessi tal-Parlament u tal-Parlamentari kollha u li ma jitqiegħedx f’pożizzjoni fejn ikollu jiddeċiedi favur naħa jew oħra.

Apparti minhekk hu tajjeb ukoll li hu propost li l-parti l-kbira tal-membri tal-Kumitat li jiddeċiedi fuq ir-rapporti tal-Kummissarju għall-Istandards jiġu minn barra l-Parlament. Dan iwaqqaf l-impasse li għandna llum fejn il-Kumitat jinqasam skont il-linja tal-partiti u mhux skont kriterji oġġettivi u etiċi. Bis-sistema tal-lum hu ċar li l-Parlament m’għandhux l-għodda biex iċanfar jew jikkonfronta b’konsegwenzi proporzjonati lil Deputati fih li jaġixxu b’mod mhux etiku.

Nirrakkomandaw li kif jiġri f’Parlamenti oħra, in-nies minn barra li jitqabbdu jagħmlu xogħol ta’ sorveljanza etika għandhom jintagħżlu wara proċess kompetittiv miftuħ għal persuni kwalifikati. Il-Parlament għandu jfittex li jinkludi persuni b’kompetenza professjonali u akkademika fl-imġieba etika. Ikun tajjeb ukoll li tkun inkluża kif jixraq is-soċjetà ċivili.

Intennu iżda li tibdil fil-liġi waħdu mhux biżżejjed biex jogħlew l-istandards fil-ħajja pubblika. Id-Deputati Parlamentari għandhom ikunu fil-ħajja pubblika għas-servizz pubbliku mhux għall-vantaġġ jew qliegħ personali. U għandha tkun il-missjoni tagħhom jaraw li min fosthom jinqabad jaġixxi anqas minn dak hu mejqus ta’ standard etiku għandu jiffaċċja l-konsegwenzi mhux jingħata kenn għax il-partit hekk dak il-ħin ikun jaqbillu.

Ebda kodiċi u ebda għamla ta’ kumitat mhi se twaqqaf il-ħalliel, il-korrot, l-egoist, u l-qarrieq milli jabbuża mill-poter tiegħu. Iżda d-dekor li jżommu d-Deputati li nemmnu li parti sew minnhom qegħdin fil-politika biex iservu hu meħtieġ biex ikollna mġieba tassew etika.

Hi t-tama sinċiera tagħna li l-Parlament juri li tagħllem mill-esperjenzi diżastrużi tal-proċessi fil-konfront tal-Ministru Carmelo Abela u tad-Deputat Rosianne Cutajar. Diskussjoni miftuħa, titjib, u l-adozzjoni ta’ dawn il-proposti li għamlet l-Oppożizzjoni jkun bidu tajjeb.