Repubblika, Occupy Justice u manueldelia.com jaqblu mat-talba ta’ Matthew Caruana Galizia għar-riżenja tal-Ispeaker Anġlu Farrugia u jaqblu ma’ dak li qal l-eks Prim Ministru u eks Speaker Lawrence Gonzi li “ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk.”

Għalhekk, qed isejħu dimostrazzjoni ta’ protesta għal nhar it-Tnejn fis-6pm quddiem il-Parlament.

Hija għarukaża kbira li anke l-istituzzjoni li suppost tirrapreżenta liċ-ċittadini onesti tħalliet tinħataf u qiegħda, minflok, tiddefendi lill-politiċi korrotti.

Hija għarukaża li llum għandna Speaker li b’id waħda jiddefendi lil Deputat misjuba ħatja mill-Kummissarju għall-Istandards u mill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards u bl-id l-oħra jqabbad Avukat biex jipprova jintimida u jagħlaq ħalq ċittadin.

L-għarukaża hija akbar meta tqis li ċ-ċittadin huwa iben ġurnalista li ġiet assassinata b’mod Mafjuż u li għal dan l-assassinju nstab minn tliet Imħallfin li hemm responsabbiltà tal-Istat.