Nikkundannaw bil-qawwa l-attakk li Manuel Cuschieri, l-aġent ta’ Joseph Muscat, għamel fuq Robert Aquilina u Alessandra Dee Crespo, il-President u l-Viċi President tal-għaqda tagħna.

Repubblika mhix se tibża’ minn attakki bħal dawn u m’aħniex se nieqfu nitkellmu fuq il-ħnizrijiet li għaddejjin madwarna.

Donnu Manuel Cuschieri jrid li Robert Aquilina u Alessandra Dee Crespo jispiċċaw bla xogħol. Din hija ironija kbira minn bniedem li jqis ruħu bħala paladin tal-Partit tal-Ħaddiema.

Aħna ngħidu lis-Sur Cuschieri li jekk irid juża l-ħin tiegħu biex jagħmel il-ġid, ikun aħjar li jitkellem ċar dwar jobs foloz u ħniżrijiet oħra fejn hemm persuni li qed jitħallsu l-eluf biex ma jagħmlu xejn ħlief li jagħlqu ħalqhom u ma jaqilgħux inkwiet. Ikun jagħmel ħafna aktar ġid milli jipprova jtellef l-impjieg ta’ min verament jaħdem biex jaqla’ x’jiekol.

Nistennew li l-Prim Ministru Robert Abela ikun ċar u jieħu pożizzjoni pubblika dwar dawn l-attakki ta’ Manuel Cuschieri. Repubblika tqis is-skiet bħala qbil f’dawn iċ-ċirkostanzi.