Repubblika qatt m’aċċettat donazzjoni mingħand xi ħadd li konna nafu li kien qed jixtri ċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna. Min jgħid il-kuntrarju jkun qed jigdeb, f’attentat biex jiskredita l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Nirreferu għar-rapport f’Illum tal-bieraħ bit-titlu “Jaċċettaw donazzjoni minn dawk li xtraw iċ-ċittadinanza minkejja li kontrihom”, liema artiklu saret referenza għalih minn servizz qarrieqi tal-One News.

Repubblika tiddikjara dawn il-fatti:

  1. Repubblika, kif stqarret diversi drabi, hi kontra li barranin jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija billi jixtruha.
  2. Repubblika ma taf li rċeviet ebda donazzjoni mingħand xi ħadd li xtara jew li kien qed jixtri ċ-ċittadinanza Maltija, u ħadd li qatt ta donazzjoni lil Repubblika ma qalilna li kien qed jixtri ċ-ċittadinanza Maltija.
  3. Hu il-gvern li jobbliga lil min japplika jixtri ċ-ċittadinanza Maltija li jiddikjara li ta donazzjoni lil organizzazzjonijiet Maltin.
  4. Repubblika qatt ma ġiet informata li xi ħadd iddikjara li taha donazzjoni bħala parti mill-applikazzjoni tiegħu taċ-ċittadinanza.

Ser niktbu lill-Ministru responsabbli biex jinfurmana min iddikjara li tana donazzjoni biex jixtri ċ-ċittadinanza Maltija, ħalli meta nivverifikaw li rċevejna l-flus mingħandu, intuhomlu lura.

Ma rridu li jkollna xejn x’naqsmu mal-bejgħ infami taċ-ċittadinanzna tagħna.

Ilbieraħ stess bgħatna r-reazzjoni tagħna lil One News u tlabna li dik tinqara fl-aħbarijiet tal-istess stazzjon, pero’ One News żied gidba ġdida fuq dak li kien diġa’ qal b’mod qarrieqi billi poġġa ta’ taħt fuq ir-reazzjoni tagħna.