Repubblika tesprimi l-appoġġ tagħha għall-proposta li l-Kummissarji responsabbli li jħarsu l-interessi tal-utenti tas-servizzi tas-saħħa mentali, kif ukoll tat-tfal u tal-anzjani, jingħataw awtonomija mill-gvern u jiffunzjonaw minflok mill-Uffiċju tal-Ombudsman.

Din il-miżura tara li f’każ li jseħħu inġustizzji amministrattivi f’dawn l-oqsma, il-vittmi jingħataw il-protezzjoni tal-Ombudsman li hu indipendenti mill-gvern u jirraporta minflok lill-Parlament.

Din il-proposta saret mill-Ombudsman stess.

Fl-istess waqt intennu li mhix biżżejjed l-awtonomija ta’ dan l-uffiċju. Jeħtieġ li tinbidel minnufih u mill-qiegħ l-attitudni ta’ ħafna ministri u entitajiet pubbliċi li jkaxkru saqajhom meta jintalbu mill-Ombudsman biex jikkollaboraw f’xi stħarriġ li jkun qed jagħmel. Agħar minn hekk, imbagħad dawn l-entitajiet spiss jinjoraw ir-rakkomandazzjonijiet li jagħmel l-Ombudsman, xi ħaġa li tirdoppja l-inġustizzja li jsofru l-vittmi.

Il-gvern għandu jara li jimplimenta minnufih deċiżjonijiet li ħa l-Ombudsman u li l-implimentazzjoni tagħhom għadha pendenti u li minn hawn ‘il quddiem ma jibqax jitħalla dewmien biex il-gvern jagħmel tajjeb għall-inġustizzji li jkun wettaq.