Diskors li sar illum minn Robert Aquilina, President ta’ Repubblika waqt konferenza għall-istampa quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Kastilja


Robert Aquilina

8 ta’ Marzu 2021 – Pjazza Kastilja, Valletta

Ftit tal-jiem ilu waslet għand Repubblika ittra legali mingħand il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. F’din l-ittra, fost  l-oħrajn, il-Kummissarju jgħid li sabna ħatja li kkritikajna lill-Gvern. Għalhekk, qed jheddidna li jekk ma nibdlux l-atteġġjament tagħna, se jkun qed jaqtagħna mil-lista tal-organizzazzjonijiet volontarji. Fi kliem sempliċi, qed jhedduna li jekk nibqgħu nikkritikaw lill-Gvern se jkunu qed jagħmluhielna diffiċli biex inkomlu niffunzjonaw. Qed jhedduna li jekk nibqgħu nitkellmu l-verità, se jagħmlu minn kollox biex lil Repubblika ma jħalluhiex teżisti aktar.

Qabelxejn, aħna nagħmlura ċara li kull ċenteżmu li għandha u li qatt kellha Repubblika, inġabar permezz ta’ donazzjonijiet mingħand il-pubbliku b’konformità sħiħa mal-liġi. L-infiq kollu dejjem sar skont il-liġi, u skont l-istatut ta’ Repubblika, u jiġi awditjat perjodikament. L-istatut ta’ Repubblika ġie analizzat u approvat mill-istess Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji u mir-Reġistratur għall-Persuni Legali sentejn ilu meta twaqqfet Repubblika. It-tnejn li huma kienu qalulna li huma sodisfatti bil-kontenut tal-istatut.

Iżda issa, il-gvern, permezz tal-Kummissrju għall-Għaqdiet Volontarji, qed jgħid li l-istatut ukoll fih affarijiet li ma jogħġbuhx. Irid jiċċensurah, u jekk ma tgħaddix tiegħu, qalilna li se jaqtagħna mil-lista tal-organizzazzjonijiet volontarji.

Aħna konvinti li dan ma ġarax ftit tal-jiem wara li erġajna bdejna nipprotestaw b’kumbinazzjoni. Aħna konvintissimi li mhix kumbinazzjoni li din l-ittra ntbagħatet lilna fl-istess ġimgħa li Robert Abela ħass il-pressjoni li għamilnhielu u kellu jkeċċi Segretarju Parlamentari oħra.

Aħna moralment konvinti li wara dan kollu hemm l-id tal-Gvern ta’ Robert Abela li għall-pressjoni li qed iħoss u li qed tkissru, qed jirrispondi b’tattiċi ispirati mill-faxxiżmu.

Huwa ċar għalina li l-gvern ta’ Robert Abela daħal għall-missjoni li jsikket lil Repubblika. Din hija l-istess strateġija moqżieża li użaw biex isikktu lil DaphneCaruana Galizia, qabel ma ġiet assassinata.

Matul ħajjitha lil Daphne ppruvaw ineħħulha l-istatus ta’ ġurnalista. Lilna qed jippruvaw ineħħulna l-istatus ta’ NGO.

Imbagħad lil Daphne ippruvaw ineħħulha l-mezzi finanzjarji. L-istess iridu jagħmlu lilna llum. Iridu jneżżgħuna mill-istatus ta’ organizzazzjoni volontarja. Iridu jwaqqfuna milli niffinanzjaw ruħna biex niffunzjonaw.

B’din l-ittra  qed jgħidulna li jekk ma nbaxxux rasna għad-diktat tagħhom, se nispiċċaw immorru l-ħabs qabel il-korrotti Keith Schembri u Konrad Mizzi, qabel dawk imsemmijjin mill-kriminali li ħallsu għad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia, qabel min għamel u min ried jagħmel il-business ma’ Yorgen Fenech, u qabel il-bellacompania kollha li wikkiena biha l-korrott dinji tas-sena, Joseph Muscat … dak li kien jieħu l-pariri mingħand il-Prim Ministru attwali Robert Abela.

Ilu evidenti għalina u llum huwa evidenti għal kulħadd, li Robert Abela ma jiflaħx għall-kritika u ma jridhiex. Huwa evidenti li Robert Abela ma fehemx jew ma jrid jifhem li hu Prim Ministru u mhux xi prinċep ereditarju. Hu evidenti li Robert Abela għadu ma ndunax li hu ħa ġurament bħala Kap ta’ Gvern ta’ pajjiż demokratiku, pajjiż membru tal-Unjoni Ewropeja u mhux ta’ xi pajjiż totalitarju jew faxxista.

Aħna nifhmu li Robert Abela jħossu stordut u mgħaffeġ bil-pressjoni. X’ma tistordix meta tħares fejn tħares madwarek ħlief skandli u ħmieġ ma tarax. X’ma tistordix meta nies li tkun xbajt tippoża għar-ritratti magħhom jibdew jissemmew mill-kriminali b’rabta mal-assassinju ta’ ġurnalista. X’ma tistordix meta kull filgħodu tiftaħ il-gazzetta u ssib li xi ħadd ieħor qrib tiegħek inqabad li hu parti mil-qarnita korrotta u qattiela li ħakmet lil dal-pajjiż.

Jekk Robert Abela qed jittama li l-fejqan għall-isturdament li għandu se jsibu billi jsikket lil Repubblika, Robert Abela għandu żball kbir. L-uniku fejqan għall-isturdament ta’ Robert Abela jinsab f’li toħroġ u tingħad il-verità kollha. L-uniku fejqan għall-isturdament ta’ Robert Abela jinsab f’li ssir ġustizzja u ġustizzja sħiħa. Jekk Robert Abela mhux kapaċi jwettaq din il-missjoni, l-uniku triq għalih hija li jsib job ieħor. Li tipprova teqred il-vuċijiet tas-soċjetà ċivili mhix fil-job description ta’ Prim Ministru imma hija l-job description tal-qarnita mafjuża.

Robert Abela jrid jiddeċiedi liema job irid jagħmel. Il-kariga ta’ Prim Ministru timponi fuqu l-obbligu li jiżgura li f’pajjiżna kulħadd igawdi l-libertá tal-espresjoni ħielsa u l-libertà ta’ assoċċjazzjoni.

Il-gvern qed iqis bħala inaċċettabbli l-fatt li aħna nikkritikawh. Ra saħansitra bħala fatt gravi l-fatt li għamilna sottomissjonijiet lill-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju faħxi ta’ Daphne Caruana Galizia. Robert Abela ilu jipprova jimmina l-inkjesta pubblika u issa qed jimmina lilna għax tajna l-kontribut tagħna fiha. Qed jimminana għax irridu li pajjiżna tassew jasal għall-verità u jara li ssir ġustizzja.

Għal dan it-theddid ta’ Robert Abela u tal-gvern tiegħu, aħna nwieġbu b’impenn u determinazzjoni akbar fil-ġlieda tagħna biex neħilsu lil Malta mill-qarnita kriminali li ħatfitha. Naċċertaw lill-mijiet ta’ membri tagħna, lill-għexieren ta’ eluf li attendew l-protesti tagħna u lill-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu, li aħna mhux ser inħallu lil Robert Abela jsikittina.

Lil Robert Abela nfakkruh li aħna għandna drittijiet li joħorġu mill-fatt bażiku li aħna bnedmin u li l-ebda Prim Ministru ma jista’ jċaħħadna minnhom. Fost dawn hemm id-dritt li nesprimu dak li naħsbu u li nemmnu fih aħna u mhux dak li jridna ngħidu Robert Abela. Hemm ukoll id-dritt li norganizzaw ruħna bħala soċjetà ċivili, mhux taħt il-kontroll tal-gvern, u li niffinanzjaw b’mezzi leċiti l-operat tal-organizzazzjini tagħna.

Lill-Prim Ministru Abela nwissuh li jekk fi żmien qasir mhux ser jirtira t-theddid tiegħu, aħna ser ninfurmaw b’dan l-abbuż lill-ambaxxati u l-konsolati f’Malta, lill-Kummissjoni Ewropeja u lil istituzzjonijiet internazzjonali oħra. Wara ma jiġix jgħidilna li qed issir ħsara lil pajjiżna. Il-ħsara qed jagħmilha hu għax qed jagħżel it-triq tal-oppressjoni u taċ-ċensura.

Lil Robert Abela nagħtuh l-parir jiftakar xi ġralu l-Prim Ministru ta’ qablu meta pprova jisfida l-opinjoni pubblika. Infakkruh li Owen Bonnici wkoll ipprova jsikkitna għal 22 xahar u spiċċa biex kien ikkundannat mill-Qorti Kostituzzjonali ta’ pajjiżna li kisrilna d-drittijiet fundamentali tagħna. Robert Abela għadu fiċ-ċans li jitrira t-theddid li għamel. Robert Abela għadu biċ-ċans li jagħżel iridx iservi d-demokrazija u r-repubblika jew iridx iservi l-qarnita.

Jagħmel x’jagħmel Robert Abela, minn ħaġa waħda nassigurawh: Repubblika kienet hawn, għadha hawn u se tibqa’ hawn.