Il-Kummissarju tal-Pulizija
Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija
Pjazza San Kalċidonju
Floriana FRN 1530

18 ta’ Ġunju 2021

DENUNZJA

Sur Kummissarju,

Niktiblek fil-kapacita tieghi ta’ President tal-Organizzazzjoni Volontarja Repubblika.

Permezz tal-prezenti qed ninfurmak formalment li lbieraħt lura – 16 ta’ Ġunju 2021 – il-membru parlamentari Rosianne Cutajar ħabbret permezz ta’ post fuq facebook li dakinhar stess kienet żaret ir-residenza tal-anzjani “Smartcare Dar Pinto” f’Ħal-Qormi. Fl-istess post Rosianne Cutajar ippubblikat diversi ritratti li fihom hi tidher tqassam lill-anzjani fl-imsemmija residenza boroż tal-plastik trasparenti b’larinġ u ritratti tagħha stess. L-istess fatti jirriżultaw minn facebook post simili – b’ritratti oħra – ta’ l-imsemmija dar ta’ l-anzjani fl-istess jum.

L-imsemmija residenza tal-anzjani tinsab fid-distrett elettorali li minnu Rosianne Cutajar ġiet eletta fil-Kamra tad-Deputati u li fih l-istess deputat ser terġa’ tikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali li jmiss.

Hu ċar li dan it-tqassim ta’ ikel sar bi ksur tat-Taqsima V tal-Att Dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, Kapitolu 354 tal-liġijiet ta’ Malta, senjatament l-Artikoli erbgħa u ħamsin sa sitta u ħamsin (Taqsima V, Art. 54 – 56) ta’ l-isess taqsima.

Fid-dawl ta’ dan, qed nitolbok formalment biex tinvestiga lill-membru parlamentari Rosianne Cutajar talli wettqet tali ksur tal-liġi.

Nistennew li l-istituzzjonijiet tal-istat inkarigati biex jinfurzaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi li jirregolaw il-klijenteliżmu, il-politika tranżazzjonali u abbużi oħra fil-proċess demokratiku tagħna – inkluż il-Korp tal-Pulizija – jieħdu azzjoni deċisiva u f’waqtha biex tali prattiċi illegali jinqatgħtu darba għal dejjem.

L-inazzjoni li kien hawn matul is-snin f’dan ir-rigward hi waħda mir-raġunijiet għalfejn il-korruzzjoni hi aċċettata b’mod mifrux ħafna fis-sistema elettorali tagħna. Min iwettaqgħa għandu ċ-ċertezza li ser igawdi minn impunità sħiħa.

Flimkien ma’ din l-ittra qed nibgħatlek kopja ta’ l-imsemmija facebook posts u tar-ritratti pubblikati fihom.

Nistennew risposta u konferma minghandek li inti bdejt din l-investigazzjoni kriminali.

Inselli għalik,

Dr Robert Aquilina
President