Il-Prim Ministru Robert Abela
Auberge de Castille
Pjazza Kastilja
Valletta

24 ta’ Ġunju 2021

Re: Fl-interess nazzjonali l-gvern għandu jibdel id-direzzjoni u jagħmel ir-riformi meħtieġa

Onorevoli Prim Ministru,

Dsatax-il xahar ilu flimkien ma’ għexieren ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin oħra inżilna għal xahrejn fit-toroq ta’ pajjiżna fi protesti kontra l-korruzzjoni u l-impunità. Dawk il-protesti fetħu l-bieb biex inti sirt Prim Ministru.

Il-fatt li fl-ewwel jiem tiegħek bħala Prim Ministru inti għidt li ser twettaq politika ta’ kontinwità, xejn ma nissel tama li pajjiżna kien ser jitbiegħed mill-politika korrotta u maħmuġa tal-predeċessur tiegħek Joseph Muscat. Matul dawn is-sbatax-il xahar li fihom inti kont prim ministru rajna lill-politiċi korrotti li ħammġu isem Malta jibqħu jgawdu impunità sħiħa. Hemm min minnhom li saħansitra għadu membru tal-Parlament Malti u oħrajn li irriżenjaw bil-kumdità kollha. Pero’ jidher li kollha għadhom moħħhom mistrieħ li l-id tal-ġustizzja mhix ser tilħaqhom.

Kemm ilek Prim Minsitru, ktibnilek bosta drabi. Qatt ma rrispondejtna. Tlabnik li niltaqgħu miegħek u niddiskutu titjib fil-governanza ta’ pajjiżna. Inti dejjem injorajt it-talbiet tagħna.

It-tattiċi ta’ żmien Joseph Muscat baqgħu għaddejja fi żmienek. Min kixef u ġġieled il-korruzzjoni ġie ttimbrat minnkom bħala traditur ta’ pajjiżna. Il-mezzi tax-xandir li int responsabbli minnhom għadhom jagħmlu dan ta’ kuljum.

F’dan il-mument, aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li ma ngħaddsux rasna fir-ramel.

Id-diskors li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu huwa biss paroli. Hemm bżonn fatti. Mhux biżżejjed li nagħmlu liġijiet li jibqgħu fuq il-karta. Hu ndispensabbli li l-liġijiet li nagħmlu jintużaw biex il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus ikunu miġġielda attivament. Hu meħtieġ li min jabbuża jinqabad u jitressaq quddiem il-ġustizzja.

L-istituzzjoni ta’ pajjiżna fallew lill-Poplu Malti u Għawdxi. Hemm bżonn li ngħidu l-affarijiet kif inhuma. Kull min għandu għajnejh f’wiċċu u minimu ta’ onestà ntelletwali jirrikonoxxi li d-deċiżjoni ta’ dawn is-sigħat li pajjiżna jitpoġġa mill-Financial Action Task Force (FATF) fuq il-lista l-griża hi konsegwenza diretta tal-azzjonijiet u tal-ommissjonijiet ta’ min hu fdat biex imexxi l-pajjiż.

L-impunità u l-korruzzjoni li kkaratterizzaw ix-xena politika u istituzzjonali Maltija f’dawn l-aħħar snin u d-deċiżjoni meħuda lbieraħ mill-FATF qed jesponu għal riskju kbir l-għixien ta’ ħafna familji Maltin u Għawdxin.

Nappellaw biex f’dan il-mument tagħmel u turi li qed tagħmel bidla radikali u ċara fid-direzzjoni tal-gvern ta’ pajjiżna. Jeħtieġ bidla minn politika mibnija fuq il-populiżmu u l-impunità għal waħda ta’ kontabilità u tħaddim tal-prinċipji tas-saltna tad-dritt u d-demokrazija.

Hekk biss nistgħu negħlbu dan il-mewġ li qed ipoġġina f’periklu serju. Hekk biss pajjiżna jista’ jerġa’ jirbaħ ir-rispett li dejjem aspira li jkollu u li mingħajru ma jista’ qatt jerġa’ jkollu s-serħan tal-moħħ li jixraqlu.

Aħna determinati li nkomplu neżiġu u nagħtu sehemna biex pajjiżna jagħmel dawk ir-riformi li issa hu evidenti aktar minn qatt qabel li jeħtieġ.

Dr Robert Aquilina

President