Dan huwa diskors li inqara mill-President ta’ Repubblika Robert Aquilina waqt protesta li saret illum 24 ta’ Frar 2021 quddiem l-Uffiċċju ta’ Rosianne Cutajar, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi

Dak li sirna nafu dwar is-Segretarja Parlamentari Rosianne Cutajar f’dawn l-aħħar ġimgħat u dak li ġara lbieraħ fil-Qorti Kriminali huma intimament marbuta ma’ xulxin: huma swaba differenti, bi rwoli differenti …. pero’ huma swaba ta’ l-istess qarnita.

Minkejja dak kollu li sirna nafu dwarha, sa din il-minuta Rosianne Cutajar għadha Segretarja Parlamentari. Għadha fil-kariga għax hekk trid hi. Għadha fil-kariga għax hekk irid il-Prim Ministru Robert Abela. Id-deċiżjoni ħaduha huma u issa huma obbligati jispjegawlna kif u għaliex waslu għal din id-deċiżjoni. U din l-ispjegazzjoni obbligati jagħtuha lilna lkoll: aħna, il-poplu li jagħtihom il-paga fl-aħħar tax-xahar. Biex niftiehmu, qed ngħid għall-paga ddikjarata u mhux għal dik imħallsa cash bil-moħbi.

Ibda biex, Rosianne Cutajar obbligata tispjegalna għaliex f’erbgħa snin l-unika darba li fetħet ħalqha u lissnet kelmtejn fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kienet biex timmina l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Cauana Galizia u tiddefendi lil Yorgen Fenech. Lil Rosianne Cutajar nistaqsuha jekk dakinhar kinetx qed titkellem għall-interessi tal-poplu Malti, kif ippruvat tbellagħhielna, jew għall-interessi ta’ Yorgen Fenech, li ftit ġimgħat qabel kien għadu kif għaddielha kemxa ġmielha ta’ eluf ta’ ewro cash.

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu jgħidilna kif aħna jista’ qatt ikollna moħħna mistrieħ li f’dan il-forum Ewropew Cutajar qiegħda tassew taħdem għall-poplu Malti u mhux għal xi ħadd implikat fi skandli ta’ korruzzjoni li jkun għaddielha eluf ta’ ewro bil-moħbi. Lill-Prim Ministru nistaqsuh għaliex iqis bħala aċċettabbli li Cutajar daħħlet dawn il-flus cash u ma ddikkjarathom qatt.

Is-Segretarja Parlamentari għandha tgħidilna l-għaliex wara li kulħadd kien jaf li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, hija żammet relazzjoni miegħu u aċċettat mingħandu rigali jiswew eluf ta’ ewro. Lil Abela nistaqsuh kif jista’ jkun li mhux jara l-kunflitt ġgantesk bejn ir-rwol pubbliku ta’ Cutajar u d-deals sigrieti li kienet qed tagħmel mal-akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Cutajar u Abela għandhom l-obbligu li jibdew iwieġbu u jagħtu l-ispjegazzjonijiet li l-poplu għandu dritt għalihom. Id-deċiżjoni tagħhom ħaduha u issa għandhom jibdew iwieġbu għaliha. Għalxejn Cutajar u Abela jippruvaw jużaw lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika bħala paraventu għas-silenzju tagħhom. Aħna, il-poplu, qed nistaqsu. Aħna, il-poplu, neżiġu tweġibiet.

L-għada li laħaq Prim Ministru, Robert Abela qal li f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġustizzja hu jitkellem l-istess lingwa ta’ Repubblika. Jien ma nafx liema lingwa ħasibna nitkellmu Robert Abela. Pero’ naf liema lingwa jitkellem hu: il-lingwa tal-omertà, il-lingwa tal-ħakkiem, il-lingwa tal-populiżmu. U kemm ilu prim ministru sirna nafu wkoll liema huma l-policies tiegħu: il-politika ta’ standards baxxi fil-ħajja pubblika … il-politika tal-ħabi … il-politika ta’ nuqqas ta’ kontabilità …… il-politika ta’ użu indiċenti tax-xandir tal-poplu … il-politika ta’ partiġġjaniżmu u klijenteliżmu bla rażan …. il-poltitika ta’ gvernar mhux għall-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, iżda ta’ ħakma għall-vantaġġ tal-ftit li daħluha f’rashom li jaħtfu dawn il-gżejjer …. u fuq kollox, fi kliem Robert Abela stess, il-politika ta’ kontinwità tal-politika ta’ Joseph Muscat …. li kif taf id-dinja kollha kienet politika korrotta.

Lil Robert Abela u l-gvern tiegħu ngħidulu li aħna nafu ħafna aktar milli jaħseb hu. Ngħidulu, per eżempju, li aħna infurmati li l-komunità internazzjonali qed tgħidlu li hu mhux kredibbli fejn tidħol is-saltna tad-dritt, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġustizzja fil-konfront ta’ nies fil-politika u dawk qribhom u f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzzata. Għajnejn id-dinja għadhom fuq pajjiżna. Pajjiżna għadu meqjus bħala problema, għax hawn il-liġi ma tgħoddx għal kulħadd bl-istess mod. Hawn min jiekol ikla ħabs għal landa ton taż-żejt u min jitħalla jkompli jpoġġi fil-kabinett tal-prim ministru anke jekk jinqabad jitħallas eluf ta’ ewro cash minn Yorgen Fenech.

Nistaqsikom: rajtu tikka mistħija jew rimors f’għajnejn Rosianne Cutajar għal dak li ħawdet bil-moħbi ma’ Yorgen Fenech? Rajtu tikka rabja jew imqar disapprovazzjoni f’wiċċ Robert Abela għal dak li għamlet bil-moħbi u b’ingann Rosianne Cutajar?

U alura lis-SegretarjParlamentari u lill-Prim Ministru nfakkruhom li kien hawn Prim Ministru u Ministri oħrajn qabilhom … li għal sena, tnejn, tlieta, ippruvaw jaħbu u jiddefendu l-indifensibbli. It-tmiem ta’ dawk l-istejjer faħxija għadu qed jinkiteb, però t-tmiem tal-karriera politika tagħhom wasal malajr u malajr ħafna.

Donnu Robert Abela u l-kumplament ta’ dak li fadal mill-gvern ta’ Joseph Muscat diġa’ insew li erbatax -il xahar ilu neżżajna mill-poter prim ministru li kien mingħalih li ħadd ma jista’ għalih. Donnhom diġa’ insew li kellhom jaħarbu bħal ġrieden mill-foss tal-parlament. Aħna għamilna d-dover tagħna ta’ ċittadini dakinhar u ninsabu determinati u mħejjija biex nagħmluh kell meta jkun hawn bżonn.