Waqt li d-Deputat Prim Ministru kien qed jixhed fil-Qorti li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru innegozja t-trasferiment tal-isptarijiet wara dahru, il-Ministri Byron Camilleri u Edward Zammit Lewis waqqfu fil-Parlament il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar l-arrest illegali ta’ ġurnalisti ġewwa Kastilja f’Novembru 2019.

Repubblika tqis dan il-ħabi bħala konferma tal-qarnita li qed taħkem l-istituzzjonijiet, qarnita li qed tuża kull mezz biex issodd ħalq l-istituzzjonijiet, qarnita li ma tridx li l-poplu jsir jaf bil-ħmieġ tagħha.

Aħna diżappuntati u dispjaċuti li l-Ispeaker tal-Parlament ivvota mal-Gvern biex dan ir-rapport ma jiġix ippublikat.

Niftakru li dan huwa rapport dwar aġir abbużiv fejn numru ta’ ġurnalisti kienu maqfula fil-bini ta’ Kastilja kontra r-rieda tagħhom.  

Issa l-Parlament iddeċieda li l-poplu Malti ma jkunx infurmat b’dak li sabet l-investigazzjoni dwar dan l-abbuż.

Le, Prim Ministru, l-istituzzjonijiet mhumiex jaħdmu. Il-qarnita qed taħdem.