Nittamaw li llum ikun pass sinifikanti sabiex bħala poplu nirrikonoxxu li pajjiżna ġie maħkum minn qarnita kbira u b’saħħtħa li qed toħnoq il-ġustizzja, il-verità u s-saltna tad-dritt.

Repubblika tagħraf li l-iżviluppi tal-lum huma pass wieħed fi triq twila u iebsa, imma huma żvilupp importanti.

Illum mhix ġurnata ta’ ċelebrazzjoni;  ma nistgħux nifirħu li qed naraw li pajjiżna marid b’mod gravi.  Madanakollu, ilkoll għandna d-dmir li nirrikonoxxu u nirringrazzjaw lil dawk li ħadmu u batew biex jikxfu il-marda li qed teqridna.

Illum nsellmu lil Daphne Caruana Galizia li ħallset l-ogħla prezz fil-ġlieda għas-sewwa. Niftakru li minħabba l-impenn tagħha, illum Daphne mhix hawn, uliedha huma orfni, żewġha huwa armel, il-ġenituri tagħha u ħutha huma mingħajr binthom u oħthom.

Illum insellmu lil dawk il-ftit persuni f’kariga pubblika li kellhom il-kuraġġ jissieltu għall-ġustizzja minkejja li kienu mżebilħa.

Illum insellmu lill-media ħielsa li fittxet il-verità meta min hu b’saħħtu uża kull mezz biex jaħbiha.

Illum insellmu lill-pulizija li wettqu dmirhom u mxew mal-ġurament li ħadu dakinhar li ssieħbu fil-Korp avolja kien hemm minn sħabhom li preferew il-kenn ta’ min kien b’saħħtu u ta’ min għandu l-flus.

Għandna triq twila quddiemna.  

Repubblika hija determinata li tagħti sehemha għall-ġustizzja u l-verità bla’ biża’ u mingħajr ma tħares lejn wiċċ ħadd.